Il-Partit Nazzjonalista kkonferma li l-costings tal-wegħdiet tiegħu għadhom mhux lesti.
Wara li s-Sibt filgħaxija Bernard Grech lmenta għax il-ġurnalisti qed jistaqsuh għal costings, il-programm elettorali kien ikkritikat ukoll fil-gazzetti tal-Ħadd filgħodu.
Mistoqsi minn ONE News waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kandidat Nazzjonalista Graham Bencini qal li l-costings għadhom mhux lesti u allura ma jistgħux jiġu ppubblikati.
Bencini qal, “Aħna dejjem għidna li l-costings ser inkunu qed nippreżentawhom b’dokument sħiħ. Dan ser inkunu qed nagħmluh qabel ma tispiċċa l-kampanja elettorali jiġifieri malli jkun lest ser nippreżentawulek.”
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista approva l-programm elettorali li nbidel kontinwament tul il-kampanja elettorali, Bernard Grech kompla jagħmel wegħdiet li lanqas huma inklużi f’dik li suppost hija l-viżjoni tiegħu.
Madankollu mistoqsi dwar dawn it-tibdiliet, Bencini qalilna biss li ser ikomplu jidħlu fid-dettall.
Hu qal, “Dan huwa dokument ħaj. Dan huwa viżjoni d-dokument li ppublikajna. Issa qed nidħlu iktar fid-dettall, bħal ma għamilna l-bieraħ, bħal ma qed nagħmlu llum, bħal ma ħa nkunu qed nagħmlu tul il-jiem li ġejjin.”
Il-ġurnalist ta’ ONE Colin Deguara rrimarka, “Qed iżżidu l-affarijiet. Qed iżżidu l-affarijiet mhux iżżidu d-dettall.”
Meta staqsejna mistoqsija dwar wegħda li għamel lill-ħaddiema Għawdxin is-Sibt filgħaxija f’Għajnsielem il-Kap Bernard Grech, il-kandidat Nazzjonalista Chris Micallef ukoll ma kienx jaf iwieġeb u spiċċa bagħtna nistaqsu lill-Kap.
Deguara rrimarka, “Mhux tweġibna dwar il-ħaddiema Għawdxin…”
Chris Micallef qal, “Il-ħaddiema Għawdxin huma għal qalbna ħafna. Ser inkunu qed inħabbru d-dettalji kollha in due time, anzi ser inkunu qed inħabbru l-proposti tagħna kif suppost, mill-bidu sal-aħħar bil-costings kif suppost.
Deguara saqsa, “Din ħabbarha l-bieraħ il-kap ta’…segwejtu l-Kap?”
Micallef wieġeb, “Mela issa staqsiha lil Kap filkas inti.”