L-Oppożizzjoni tagħmel kontra dak li tgħid. Minkejja li bi kliem tħambaq fuq politika li tpoġġi l-persuna fiċ-ċentru, fir-realtà l-Oppożizzjoni għadha tpoġġi fiċ-ċentru l-awsterità.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista sostna li minflok jilqa’ l-investiment qawwi li seħħ fi snin passati fil-qasam tas-saħħa, liema investiment wassal biex pajjiżna kellu fost l-akbar żieda relattiva fl-ammont ta’ nurses u tobba fl-Unjoni Ewropea, il-Partit Nazzjonalista reġa’ nfexx f’diskors ta’ awsterità. Fil-fatt, il-kelliem tal-Oppożizzjoni, Dr Mario DeMarco qal li hu ma jaqbilx maż-żieda tal-ispiża rikurrenti li saret mill-2013 ’l hawn.
Il-Partit Laburista spjega li l-ispiża rikurrenti żdiedet minn €2.5 biljun għal €4.7 biljun. Il-Partit Nazzjonalista kontra ż-żieda ta’ minn €0.9 biljun fl-2012 fuq benefiċċji soċjali u politika soċjali għal €1.8 biljun fl-2020. Fejn tidħol saħħa u edukazzjoni pubblika fl-2012 kien hemm nefqa ta’ €0.5 biljun, mentri s-sena li għaddiet kien hemm €1.5 biljun. Dan minbarra għajnuniet relattati mal-Covid-19 li laħqu aktar minn €300 miljun.
Dan ifisser li jekk tneħħi ż-żieda fl-ispiża soċjali, dik fuq saħħa u edukazzjoni, kif ukoll l-għajnuna tal-Covid-19, l-ispiża rikurrenti fl-2020 kienet kważi l-istess ta’ dik fl-2012. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista kkontradixxa lilu nnifsu meta qal li hu favur l-għajnuna tal-Covid-19 iżda fi stqarrija sostna li huwa kontra ż-żieda fil-benefiċċji soċjali, u l-investiment akbar f’riżorsi għal edukazzjoni u saħħa pubblika. F’dawn l-oqsma l-Gvern żied l-impjiegi full-time b’tlett elef u ħames mitt persuna, liema żieda qed twassal għal servizz aħjar għall-familji tagħna.
“Wieħed jistaqsi liema eżatt mill-benefiċċji soċjali ser inaqqas il-Partit Nazzjonalista. Forsi l-pensjoni tar-romol, li fuqha l-ispiża żdiedet bi 30%, u fejn il-benefiċċju kiber bid-doppju tal-inflazzjoni meta fi żmien Gvern Nazzjonalista kien baqa’ ffriżat?” tenna l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista kompla jistaqsi: “Liema mit-tlett elef u ħames mitt persuna aktar mas-servizz tas-saħħa u l-edukazzjoni ser ikun qed jagħti s-sensja l-Partit Nazzjonalista? Jew forsi jekk mhux ser jagħti sensji hux ser jagħmel friża fil-pagi u kundizzjonijiet, l-istess kif kien għamel mal-korpi dixxiplinati?”
“Minkejja l-bidliet kollha fil-Kapijiet, il-Partit Nazzjonalista għadu mmexxi minn dawk li kienu ħassewhom komdi li fir-riċessjoni tal-2009 jagħtu vouchers għal bozoz energy saving. Minkejja d-diskors kollu l-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-Partit tal-Awsterità,” saħaq il-Partit
Politika li tpoġġi l-interessi tal-establishment qabel il-bżonn tal-familji u negozji Maltin u Għawdxin.