Il-Partit Nazzjonalista għat-tieni darba fi ftit xhur reġa’ spiċċa mingħajr persuna li tokkupa l-kariga ta’ Teżorier.
Irrapurtat fuq dan il-MaltaToday hekk kif żvolġiet sitwazzjoni mhux tas-soltu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kellu jħassar elezzjoni għal kaxxier ġdid li kienet ikkontestata minn Mario Ellul, wara li ġie nnutat li l-partit stess kiser regola tal-istatut.
Innota dan l-Eks Kap Adrian Delia u Paula Mifsud Bonnici hekk kif irrimarka li fuq Mario Ellul ma sarx proċess ta’ Due-Diligence. Proċess mitlub minn Artikolu 136 tal-istatut tal-Partit Nazzjonalista għal kull kandidat li jrid jokkupa kariga fi ħdan organu tal-Partit Nazzjonalista.
Hekk kif Delia u Mifsud Bonnici rrimarkaw dan wara li ntemmet l-elezzjoni, il-Kummissarju Elettorali Peter Fenech kellu jipproċedi sabiex jikkanċella u jqatta’ l-voti li ntefgħu f’din l-elezzjoni.
Is-sorsi ta’ ONE News fi ħdan id-Dar Ċentrali rrimarkaw id-diżappunt tagħhom hekk kif iddeskrivew dan l-iżball bħala wieħed ta’ “traskuraġni.”
Fil-fatt l-istess sorsi qalulna li dan l-iżball ma setax sar fi żmien agħar għall-Partit Nazzjonalista hekk kif fl-istess żmien, Bernard Grech qed jikkritika l-FIAU għall-ħatra ta’ Chairman iżda imbagħad fuq l-uffiċjal inkarigat mill-finanzi tal-partit, lanqas għadda mill-għarbiel.
“Aħjar naraw it-travu f’għajnejna milli t-tibna f’għajn ħaddieħor,” qalilna persuna partikolari urtat ferm bis-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista.
Il-kariga ta’ Teżorier hija waħda li fl-aħħar snin fissret uġigħ ta’ ras kbira għall-Partit Nazzjonalista.
Meta Adrian Delia ħa t-tmun tal-Partit Nazzjonalista kien laħħaq lil Antoine Zammit għal din il-kariga.
Madankollu Zammit, msemmi għall-ħanut tiegħu “Mater Dei tal-Kompjuters” kien dam biss mill-Milied sa San Stiefnu fil-kariga wara li ONE News kixef kif kien tella’ filmati fuq Youtube wara li l-kaxxa li tipprovdi xandir illegali ta’ eluf kbar ta’ stazzjonijiet waqfet turi l-films pornografiċi.
Ftit wara kien il-Viċi Kap innifsu, Robert Arrigo li mela l-vojt li ħalla Zammit. Madankollu Arrigo kien ukoll irriżenja minn din il-kariga fl-eqqel tal-kampanja tal-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.