Il-Partit Nazzjonalista baqa’ favur il-proposta tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija.
Dan deher ċar waqt konferenza oħra tal-istess Partit li ttrattat dan l-istess suġġett, hekk kif id-Deputat Ryan Callus, fi tweġibiet li ta lil dan l-istazzjon, baqa’ jikkampanja favur din il-proposta.
“Meta tħabbret din il-proposta, il-Gvern is-soltu telaq jiġri u jivvinta li din il-proposta se żżid il-prezzijiet tal-enerġija. Fil-fatt jiġri bil-kontra.”
Fil-fatt, Callus hekk kif reġa’ ħa lura l-portafoll tas-settur tal-enerġija wara li ħadulu Mark Anthony Sammut, tenna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jappoġġja din il-miżura.
“Għalina aħna nappoġġjawha.”
Dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Callus u l-Partit Nazzjonalista favur il-proposta tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija qed jibqgħu jippersistu minkejja l-ħemel ta’ kritika li kien hemm kontriha. Kritika li waslet kemm mill-midja indipendenti, opinjonisti politiċi u esperti fis-settur.
Dan anke fid-dawl ta’ bosta sitwazzjonijiet f’pajjiżi oħrajn fejn b’dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista, il-prezzijiet tal-enerġija spiċċaw għolew.
Fatt li anke l-midja indipendenti kkwotat dan fir-rapporti tagħha b’reazzjoni għal din il-proposta, hekk kif spjegat li din il-proposta diġà wasslet għal żidiet qawwija fil-prezzijiet tad-dawl f’pajjiżi fl-Ewropa, inkluż fir-Renju Unit li kien illiberalizza s-suq fl-1999.
Kien hemm ukoll l-organizzazzjoni Żminijietna – Leħen ix-Xellug li qalet li din il-proposta toħloq problemi għall-affordabilità u s-sigurtà tal-enerġija.
Saħansitra l-eks President tal-UĦM, Jesmond Bonello, kien spjega b’mod sempliċi xi tfisser il-proposta tal-PN li jilliberalizza s-suq tal-enerġija u kif twassal għal żieda fil-kontijiet.
“Jekk jiena għandi kumpanija privata, jien x’se nagħmel mhux nipprova nġib il-profitt? U jekk inti ħa tagħtini prodott, mhux ħa nżid fuqu u dak il-prezz nagħtih lill-konsumatur? Issa jekk jien ħa nilliberalizza din is-sitwazzjoni, nilliberalizza d-dawl u l-ilma, min ħa jbati? Mhux il-ħaddiema.”
Madankollu din il-kritika kollha ma waqqfitx lill-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech milli jibqa’ jikkampanja favur din il-proposta li l-fatti juru li verament tkompli tgħolli l-prezzijiet tal-enerġija f’pajjiżna.
“Tkellimna fuq xi ħaġa importanti ħafna, tkellimna fuq il-liberalizzazzjoni tad-distribuzzjoni tal-elettriku…Nemmnu fiha aħna.”
Ara wkoll: