Il-Partit Nazzjonalista qal li nefaq is-somma ta’ €1.3 miljun għall-kampanja elettorali, somma, li ma tinkludix il-pagi tal-ħaddiema.
Il-Partit Nazzjonalista qal li s-somma ta’ €1.3 miljun inġabret kollha permezz ta’ donazzjonijiet kemm waqt il-perjodu tal-kampanja elettorali kif ukoll fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel.
Fl-aħħar jiem, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-accounts tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali biex ikun konformi mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti, iżda għamel dan xhur tard.
Dan hekk kif bil-liġi tal-finanzjament tal-partiti, kull partit reġistrat irid jgħaddi l-kontijiet tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali, wara proċess ta’ verifika indipendenti, sa erba’ xhur wara li tagħlaq is-sena finanzjarja. Għall-Partit Nazzjonalista, l-appuntament kien għall-aħħar t’April, iżda l-kontijiet baqgħu mistura u ġew preżentati tliet xhur tard.
Matul l-2016, il-Partit Nazzjonalista qal li rreġistra dħul ta’ €1.4 miljun, waqt li l-ispejjeż kienu jammontaw għal €1.1 miljun, li jfisser li matul is-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2016, l-Partit Nazzjonalista rreġistra qliegħ ta’ €300,000 iżda minkejja dan il-Partit Nazzjonalista għalaq is-sena 2016 b’telf ta’ €1.6 miljun.