Il-Partit Nazzjonalista qal li moħħu biex ikollu tliet siġġijiet fil-Parlament Ewropew. F’attività politika fir-Rabat, fost l-għajjat u l-isteriżmu tas-soltu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech talab lil kull minn kien qiegħed jisimgħu biex fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew ikollu tliet siġġijiet.
Qal, “Din id-darba għinna biex, minflok, ikollna żewġ magni fil-Parlament Ewropew, ikollna tliet magni fil-Parlament Ewropew.”
L-istess għamel il-kandidat Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew David Agius li talab lil kull min kien qiegħed jisimgħu biex il-Partit Nazzjonalista jżidlu siġġu ieħor.
Qal, “Ejja issa nkunu tliet membri Parlamentari Ewropej”.
Waqt l-istess attività, kemm Bernard Grech, kif ukoll il-kandidati Nazzjonalisti għall-Parlament Ewropew iddefendew lil Roberta Metsola u David Casa, li dejjem ħadmu qatigħ u ħarġu barra minn triqithom biex jattakkaw lil Malta, inkluż b’għadd ta’ mozzjonijiet bla bażi.
Hu fatt magħruf kif Metsola u Casa ħadmu qatigħ kontra pajjiżna fil-Parlament Ewropew u fil-kurituri tal-istituzzjonijiet fi Brussell.
Fil-fatt, f’kull okkażjoni, iż-żewġ MEPs Nazzjonalisti attakkaw lil Malta u ressqu mozzjonijiet, anke biċ-ċans li jintilfu fondi Ewropej għall-ġid tal-poplu tagħna.
Dan filwaqt li, meta quddiem il-Parlament Ewropew ġew dibattuti kriżijiet kbar li ffaċċjaw il-Greċja u l-Bulgarija, fost l-oħrajn, l-istess żewġ MEPs Nazzjonalisti kienu minn tal-ewwel li qabżu għal dawn il-pajjiżi, minħabba li għandhom gvernijiet li huma msieħba fil-Grupp tal-Partiti Popolari Ewropej, l-EPP, li tiegħu jagħmel parti wkoll il-Partit Nazzjonalista.