F’attività politika oħra tal-Partit Nazzjonalista, li saret fl-Imsida, il-Partit Nazzjonalista għamel eloġju sħiħ lill-Ewroparlamentari tiegħu Roberta Metsola u David Casa.
Il-kandidata Nazzjonalista Miriana Calleja Testaferrata de Noto sostniet li Metsola u Casa għamluhom kburin.
“Din id-darba kellna żewġ Membri Parlamentari Ewropej li ġejjin mill-Partit Nazzjonalista, li bla dubju għamluna kburin.”
Dan meta, fl-aħħar ħames snin, iż-żewġ Ewroparlamentari Nazzjonalisti ħadmu kontinwament kontra pajjiżna.
Testaferrata de Noto u Louise Ann Pulis sellmu lil Metsola u lil Casa u anke lill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
F’din l-attività, il-Partit Nazzjonalista għadda l-istess messaġġ li ilu jgħaddi l-Partit Nazzjonalista f’din il-kampanja elettorali.
“Ejja naħdmu biex intellgħu t-tielet siġġu.”
L-attività politika Nazzjonalista kienet iddominata mis-soltu diskorsi u tifħir għall-passat, fi żmien li l-pajjiż kien taħt Gvern Nazzjonalista.
“Tajjeb li nfakkru fil-passat glorjuż tiegħu u l-passi gġanteski favur kull ċittadin Malti li wettaq kull meta kien fil-Gvern.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla fuq l-istess retorika, bit-tir tiegħu li l-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali jressquh eqreb lejn il-poter.
“U aħna fil-Gvern.”