Il-Partit Nazzjonalista reġa’ ġie mgiddeb minn factcheck, artiklu li janalizza l-fatti u jiddikjara xi ħaġa hux minnha jew le.
Wara li tgiddeb il-Kap Nazzjonalista issa kien imiss il-midja Nazzjonalista li toħroġ ta’ giddieba fi żmien li l-Partit Nazzjonalista nfexx f’aktar attakki partiġġjani wara li l-Prim Ministru minnufih ippubblika r-rapport tal-inkjesta Pubblika ta’ Jean Paul Sofia u ħabbar ħames inizjattivi immedjati.
Fuq il-kwistjoni mbagħad tad-diżgrazzja fit-Tarzna fuq l-bastiment Um El Faroud, fejn f’dak il-każ kienu mietu disa’ ħaddiema, Gvern Nazzjonalista ma kienx għamel inkjesta pubblika.
Fuq dan il-fatt, il-Partit Nazzjonalista anki permezz tal-midja tiegħu u Dione Borg, eks kandidat Nazzjonalista u li mmilita fil-midja Nazzjonalista, ippruvaw imeru s-sewwa magħruf bi stejjer immuntati.
Iżda l-bużżieqa nfaqgħet f’wiċċ il-Partit Nazzjonalista b’factchecker tat-Times jiddikjara li ma kienet saret l-ebda inkjesta pubblika.
“There was no public inquiry”, qalet l-analiżi tal-fatti.
Apparti l-factcheck tat-Times, ir-rapport finali dwar l-inkjesta Sofia wkoll iswed fuq l-abjad isemmi ż-żewġ inkjesti pubbliċi l-oħra li saru f’pajjiżna. imkien ma tissemma’ inkjesta pubblika dwar id-diżgrazzja tal-Um El Faroud.
Dwar il-każ kienet saret inkjesta Maġisterjali kif tixhed in-natura tat-traġedja li disa’ ħaddiema mietu.
Jirriżulta wkoll li l-esperti li ħadmu fl-inkjesta spiċċaw ifittxu l-Gvern għax dawn ma tħallsux.
Intant b’rabta ma’ din l-istorja, fl-istess jum li l-Partit Nazzjonalista ġie mgiddeb, il-midja tal-Partit Nazzjonalista bil-gazzetta Mument fil-faċċata tagħha, Joe Mikallef issa editur, kompla jippersisti fil-gideb.