Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għamel man-nofs siegħa jitkellem fil-każin Nazzjonalista tan-Naxxar fuq proposti li ressaq sena ilu, mimlija żbalji.
Fl-istess diskors infexx jattakka lill-Gvern u lill-Prim Ministru Robert Abela.
Wara li kien qal li l-investiment fin-nies huwa soppa msaħħna u għal darba, darbtejn, tlieta, tkellem kontra l-għajnuna tal-Gvern, fosthom biex iżomm prezzijiet stabbli fil-kontijiet tad-dawl, Bernard Grech qal li hu biss għandu l-ideat għall-pajjiż.
Bħalu għamel id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia, li tkellem fl-istess każin.
Caruana Cilia qal, “Il-Partit Nazzjonalista Gvern, bħala Gvern alternattiv, għal numru ta’ drabi, bosta drabi.”
Caruana Cilia, il-Kelliem għall-Finanzi ta’ Bernard Grech, huwa responsabbli mill-froġa tal-aħħar dokument ta’ qabel il-Budget, li kien mimli żbalji bażiċi li rrimarkaw dwarhom anki l-midja indipendenti u sejħu l-istess dokument bħala “mess”. Huwa nfexx jgħid li l-partit tiegħu mhux jifhem għaliex mhux jinstema’.
Caruana Cilia qal, “U sal-lum għadni ma nistax nifhem – ġenwinament ma nistax nifhem – għalfejn il-Gvern qed jibqa’ jinjora dak li qed ngħidu aħna.”
Bl-istess ton ta’ tiegħu kollu tajjeb u ta’ ħaddieħor ħażin, Bernard Grech żied jgħid li l-ideat tiegħu biss huma studjati, anki wara li quddiem l-elettorat fl-aħħar elezzjoni ġenerali ressaq programm mingħajr costings u bi żbalji u wegħdiet doppji.
Grech qal, “Tara l-ideat studjati.”
Intant, l-ewwel li tkellem fil-każin Nazzjonalista kienet id-Deputat Paula Mifsud Bonnici, li użat l-istess tattika li beda juża l-Kap Bernard Grech billi bdiet tibbottja lejn Delia dwar il-konkos difettuż ta’ Mater Dei.
Mifsud Bonnici qalet, “Sal-lum il-konkos ta’ Mater Dei għadu l-istess konkos illi kellna u sal-lum l-ebda persuna ma tressqet il-Qorti il-għaliex sar ħażin.”
Mifsud Bonnici, bħal Bernard Grech, taf li dwar Mater Dei, il-passi ttieħdu u li l-konklużjoni tagħhom kienet li ma setgħux jimxu l-proċeduri legali għax il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi kien ta waiver lill-kumpanija Skanska, il-kumpanija fil-kontroversja tal-bini ta’ Mater Dei li kellha lil Adrian Delia jitkellem għaliha.
Sa issa baqa’ mhux magħruf kemm Delia ħa flus mingħand Skanska għax-xogħol li għamel iżda issa huwa evidenti li Bernard Grech saħansitra qed iqabbad Deputati oħra jfakkru f’dak li għamel Delia, li qed jagħmluha ċara li juru min kien il-predeċessur ta’ Grech.