Fi stqarrija, il-Partit Laburista għamel referenza għar-rapporti li dehru fil-midja dwar il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar is-sistema tal-ħatriet tal-ġudikatura f’Malta u l-poteri tal-Prim Ministru.
Il-Partit Laburista fakkar li l-ħatriet ġudizzjarji kienu suġġett ta’ riforma kostituzzjonali li ġiet proposta mill-Gvern wara proċess ta’ konsultazzjoni trasparenti u wiesgħa mal-Kummissjoni Venezja u addottata mill-Parlament Malti b’mod unanimu.
Permezz ta’ din ir-riforma, li ġiet ukoll imfaħħra mill-Kummissjoni Venezja, il-Prim Ministru neħħa għalkollox minn idejh il-poteri li kellu fir-rigward ta’ ħatriet fil-ġudikatura.
L-istqarrija kompliet tgħid li ta’ min jirrimarka wkoll il-fatt li s-sottomissjonijiet tal-NGO Repubblika quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea saru mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, l-Onorevoli Jason Azzopardi. Dan huwa ta’ tħassib serju għaliex juri biċ-ċar li l-Oppożizzjoni għadha bl-istess aġenda taħt il-Kap il-ġdid tagħha Bernard Grech li tattakka l-istat Malti barra minn xtutna u l-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż, b’attakk dirett fuq sitt ġudikanti sedenti.
Il-Partit Laburista fakkar ukoll fl-inkjesta maġisterjali mitluba f’April li għadda mill-NGO Repubblika fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela u membri tal-Forzi Armati ta’ Malta waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, dwar l-allegat omiċidju ta’ immigranti rregolari.
Fiha, l-Avukat Jason Azzopardi kien irrinunzja milli jkompli jassisti legalment f’dawn il-proċeduri lill-NGO Repubblika minħabba kunflitt ta’ interess mal-rwol tiegħu bħala kelliem tal-Oppożizzjoni. Fi stqarrija kien iddikjara li “…jekk ikun hemm każijiet oħra fil-futur li jistgħu jkunu politikament sensittivi, jiena nimpenja ruħi li nikkonsulta mat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qabel naċċetta tali inkarigi legali”.
Il-Partit Larburista stqarr li wieħed għandu jifhem li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ta l-barka tiegħu biex Jason Azzopardi jassisti legalment lill-NGO Repubblika fis-smiegħ tal-imsemmija kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. B’hekk, il-Kap tal-Oppożizzjoni ma ra ebda kunflitt ta’ interess ta’ Jason Azzopardi li jassisti legalment lill-NGO Repubblika mal-irwol tiegħu bħala kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jispjega din il-pożizzjoni ambigwa li ħa li f’dan il-każ li hu politikament sensittiv, li mhux jara kunflitt ta’ interess ta’ Jason Azzopardi u għalhekk għandu jiddikjara x’se jagħmel dwar dan.