Il-Partit Nazzjonalista reġa’ ħareġ jattakka l-ħidma tal-Pulizija u l-Forzi tal-Ordni, din id-darba wara li fl-aħħar jiem wettqu diversi raids u ġew arrestati numru ta’ persuni jgħixu illegalment f’pajjiżna, fost oħrajn.
Dan l-attakk sar permezz tal-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista, għall-Intern Joe Giglio.
F’kitba fuq Facebook, b’reazzjoni għall-aħħar raids li saru, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern, permezz tal-Pulizija u l-Forzi tal-Ordni, irrikorra għat-teatrini.
Fil-fatt, hawn Giglio ddeskriva dak li sar ukoll bħala ftaħir inutli.
Dan l-atteġġjament tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront tax-xogħol siewi tal-Forzi tal-Ordni kollha f’pajjiżna, kien rifless ukoll fid-diskors tad-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg.
F’attività politika l-Ħadd filgħodu fil-każin Nazzjonalista fis-Sannat, Borg żebblaħ il-ħidma tal-Korp tal-Pulizija.
Borg qal, “Jagħmlu erbgħa raids biex taparsi qed jagħmlu xi ħaġa.”
Dan l-attakk tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Forzi Dixxiplinarji ta’ pajjiżna wasal wara li fl-aħħar jiem twettqu diversi rejds fejn ġew arrestati numru ta’ persuni fuq illegalitajiet differenti.
Fost dawn kien hemm rejd fil-Marsa tard il-Ħamis filgħaxija, fejn fih, ġew detenuti 49 persuna li kienu qed jgħixu f’pajjiżna b’mod illegali.
F’dan ir-rejd żewġ Pulizija kellhom jittieħdu l-isptar Mater Dei għal aktar kura wara li ċeda t-taraġ li kienu fuqu b’riżultat li waqgħu minn għoli ta’ madwar sular u nofs.