Il-Partit Nazzjonalista sab it-tielet teżorier tiegħu f’temp ta’ sentejn.
L-Erbgħa filgħaxija, il-Partit Nazzjonalista ħabbar li ħatar lil Mario Ellul bħala t-teżorier il-ġdid tiegħu.
Ellul li serva wkoll bħala Kunsillier fi ħdan il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq huwa t-tielet teżorier tal-Partit Nazzjonailsta f’dawn l-aħħar sentejn hekk kif din il-kariga spiċċat ħolqot uġigħ ta’ ras kbira lill-Partit Nazzjonalista.
Il-ħatra ta’ Ellul waħedha kienet sors ta’ konfużjoni u dispjaċir għall-ħafna anke dawk fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Ftit tal-jiem ilu l-Partit Nazzjonalista approva lil Ellul bħala kaxxier tal-Partit minkejja li ma wettaqx proċess ta’ Due Diligence fil-konfront tiegħu.
Fil-fatt kien l-eks Kap Adrian Delia li nnota dan in-nuqqas min naħa tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech.
B’hekk il-Kummissarju Elettorali Peter Fenech kellu jħassar u jiddikjara nulla l-elezzjoni li biha ġie elett Ellul.
Din il-kariga kienet partikolari wkoll għal Adrian Delia speċjalment wara li kien għażel lil Antoine Zammit sabiex jieħu ħsieb il-finanzi tal-Partit.
Zammit, magħruf għall-ħanut tiegħu “Mater Dei tal-Kompjuters” kien dam biss mill-Milied sa San Stiefnu fil-kariga wara li ONE News kixef kif kien tella’ filmati fuq Youtube wara li l-kaxxa li tipprovdi xandir illegali ta’ eluf kbar ta’ stazzjonijiet waqfet turi l-films pornografiċi.
Dakinhar kienu ħafna li staqsew il-validità ta’ Zammit li ta’ spiss kien jirrikorri għal Facebook biex jieħu pariri finanzjarji.
Fil-fatt ONE News kien żvela messaġġ minn Antoine Zammit fuq grupp sigriet tal-Partit Nazzjonalista fuq Facebook jistaqsi għall-pariri dwar il-“bankink.”
Il-ħatra ta’ Zammit waslet minkejja li l-Partit Nazzjonalista fi kliem l-eks Segretarju Ġenerali Clyde Puli għandu dejn ta’ miljun kbar.
Ftit wara kien il-Viċi Kap innifsu, Robert Arrigo li mela l-vojt li ħalla Zammit. Madankollu Arrigo kien ukoll irriżenja minn din il-kariga fl-eqqel tal-ġlied għat-tmun tal-Partit Nazzjonalista.