Fi stqarrija mill-Partit Laburista ntqal li l-inkwiet tal-Partit Nazzjonalista għandu jkun id-dewmien biex issir ġustizzja u mhux it-tħaddim tagħha skont il-liġi.
Il-Partit Nazzjonalista u l-kelliem tiegħu għall-Ġustizzja Karol Aquilina, kellhom jiddeploraw l-attakk infami li qed isir fil-konfront tal-Avukat Ġenerali u mhux jappoġjawh meta jafu li hu biss intiż biex jiskredita l-proċess tal-ġustizzja.
Mhux ta’ b’xejn li sal-lum, il-Partit Nazzjonalista għadu ma ngħaqadx mal-appell konsistenti tal-Prim Ministru u tal-Partit Laburista biex l-inkjesta maġisterjali tkun konkluża fl-iqsar żmien possibbli u kull min hu responsabbli għall-mewt ta’ Jean Paul Sofia jaffaċċja l-qrati.
L-għada li komplew l-appelli biex l-inkjesta maġisterjali titlesta b’effiċjenza, u li l-Prim Ministru ħabbar inkjesta amministrattiva fid-dawl ta’ dan id-dewmien, qed joħroġ dejjem iktar ċar kemm l-uniku interess tal-Partit Nazzjonalista kien u għadu li juża l-mewt traġika ta’ żagħżugħ ta’ 20 sena għal skop partiġġjan.
Dwar dak li qal il-Partit Nazzjonalista, il-proċedura legali li ilha tiġi utilizzata għal ħafna snin hija ċara kristall u toħroġ mil-liġijiet ta’ Malta. Wara sittin jum li fiha inkjesta ma tkunx tlestiet, kull tletin jum, il-Maġistrat inkwerenti trid tirrapporta lill-Avukat Ġenerali dwar id-dewmien. Huwa biss it-tlestija tal-inkjesta li tibdel dan kollu. Sal-lum minn dak magħruf pubblikament din l-inkjesta baqgħet ma tlestitx.
Jekk hemm xi ħadd li għandu jgħati rendikont huma dawk li qeghdin b’mod qarrieq qed ixerrdu affarijiet foloz b’rabta ma’ din l-inkjesta.
L-appell jibqa’ li l-inkjesta titlesta kemm jista’ jkun malajr għaliex hekk biss inkunu eqreb għal ġustizzja. Ħasra li l-Partit Nazzjonalista qatt ma ngħaqad f’dan l-appell.
“Minflok ingħaqad f’attakk insensat kontra l-Avukat Ġenerali li għandha d-dmir li ssegwi l-proċeduri skont il-liġi u jekk kemm ‘il darba għamlet rikors dwar id-dewmien fl-inkjesta ikun ifisser li għamlet xogħolha u xejn iżjed”, temm jgħid il-Partit Laburista.