“Il-Partit Nazzjonalista għandu kriżi tal-identità.” Hekk stqarr il-ġurnalist James Debono f’diskursata mal-ġurnalist kollega tiegħu Kurt Sansone fuq is-sit tal-Malta Today. Huwa stqarr kif, minbarra l-problema finanzjarja serja li għandu l-Partit Nazzjonalista, għandu wkoll problema kbira li mhux jibqa’ relevanti fil-ħajja tan-nies.
Debono stqarr, “Però, min-naħa l-oħra, dan partit ukoll bi problema enormi ta’ identità, jiġifieri l-ikbar problema – barra li ovvjament għandu 32 miljun dejn – hija li m’għadux relevanti fil-ħajja ta’ ħafna nies.”
Debono stqarr kif saħansitra l-kap tal-Partit Nazzjonalista huwa nieqes mill-viżjoni politika. Dan tant li ddeskrivih bħala bniedem imħawwad u li jibdel il-verżjonijiet fuq bosta temi. Hawnhekk ġab l-eżempju tal-abort, li dwaru Grech ukoll tefa’ sieq fuq naħa u sieq fuq oħra biex jipprova jintgħoġob ma’ kulħadd. Iżda minflok spiċċa urta liż-żewġ naħat tad-diskussjoni.
Huwa saħaq, “Grech qisu mħawwad. Jien narah, fejn tidħol viżjoni politika, għax min-naħa, eżempju, jitkellem fuq il-kwistjoni tal-abort. Filli niftaħ u niddiskuti kollox, imbagħad min hu favur ma jistax jirrappreżenta l-partit, jiġifieri l-messaġġ… u fl-aħħar jispiċċa jgħajjar il-konservattivi li għalihom qisha dagħwa kull referenza għall-abort u fl-istess ħin anke lill-fazzjonijiet liberali eċċ.”
F’diskussjoni li tat ħarsa lejn id-diskors ta’ Bernard Grech waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista l-Ħadd filgħodu, Debono stqarr kif Grech donnu pprova jwerwer lil kull min seta’ kien qed jitħajjar li jtellaqlu għat-tmexxija.
Temm jgħid, “Ovvjament, hemm l-element li wieħed jista’ jgħid li qed iwerwer ukoll lil xi ħadd li potenzjalment se jikkontestah, għax qisu l-messaġġ tiegħu li dan huwa kap b’kalċi avvelenat li jien lest li nagħmel is-sagrifiċċju u nixrob minnu jien. Imma indirettament qed jgħid, “jekk nidħlu għaliha ara għal xiex deħlin.”