Sitt xhur mill-ħatra tiegħu bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo qal li fl-aħħar ġimgħat kien qed jikkontempla li jwarrab mill-kariga u sostna li l-partit mhu ta’ ħadd lanqas tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Waqt li kien qiegħed jindirizza l-Kunsill Ġenerali tal-Paritt Nazzjonalista s-Sibt filgħodu, Arrigo qal li ġurnalist beda jitlob li jiġi investigat fuq il-ġbir ta’ fondi.
“Mhux kollox kien faċli għalija. Kien hemm ħafna nies li bdew jgħajruni f’dawn l-aħħar xhur, ġurnalst jitlob li nkun investigat fuq il-gbir ta’ fondi li kulħadd għandu riċevuta”, qal is-Sur Arrigo.
Qal li quddiemu kellu għażla, li jibqa’ jew jitlaq.
“Kliem li forsi tibda tgħid imma x’kien dan u jkollok għażla. Tibqa’ jew titlaq, għażliet forsi diffiċli imma inzertajt naqa’ b’rasi iebsa jiena u determinat. – Meta tagħmluli hekk iżjed issaħħuni”, qal Arrigo.
Fl-istess waqt għamilha ċara li l-partit mhu ta’ ħadd.
“Il-Partit mhu ta’ ħadd u l-anqas tal-kap”, qal il-Viċi Kap Nazzjonalista.
Huwa tkellem ukoll dwar l-attakki li jsiru fuq il-midja soċjali u stqarr li dawn ġejjin min-naħa ta’ deputati nazzjonalisti.
“Nappella lil kulħadd biex dawk il-profili foloz ta’ facebook jispiċċaw anke min-naħa ta’ membri parlamentari”, qal Arrigo.
Huwa tkellem ukoll dwar kif ġurnalisti staduh fuq il-midja soċjali u rrimarka li mindu daħlu l-bloggs u l-facebook ta’ il-partit nazzjonalista ħa t-tkaxkiriet.
Huwa fisser il-kwistjoni tat-taxxa dovuta mill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia bħala waħda never ending u li bosta qed jagħmlu għaġeb biha.
“Normali bħalma nagħmlu aħna u bħalma jagħmel kulħadd, imma nagħmlu għaġeb biha din tat-taxxa. Ejja naqtgħu wkoll”, qal Arrigo b’reazzjoni għall-pressjoni li qed issir fuq il-Kap Nazzjonalista biex jispjega minn fejn ġab aktar minn €130,00 biex ħallas f’żewġ pagamenti dak li kien ilu dovut minnu s-snin lid-Dipartiment tat-Taxxa.