Waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, id-Deputat Mexxej għall-Affarjiet tal-Partit, Daniel Micallef irrimarka kif kważi sena mill-aħħar Konferenza Ġenerali, wieħed jista’ jara x-xogħol bla qies ta’ dan il-Partit f’qasir żmien.
Huwa stqarr kif is-suċċess tal-Gvern iħoll u jorbot ma’ kemm il-ġid jasal għand kulħadd, anke t-tfal.
Kien hawn li qal li permezz tal-ħidma tal-Partit Laburista, kull spazju miftuħ tat-tfal f’pajjiżna se jkun spazju fejn it-tfal ikunu liberi li jilagħbu u verament ikunu tfal.
Il-Perit Daniel Micallef qal, “Nista’ nħabbar li s-sezzjoni kunsillieri issa se tkun qiegħda tikkordina u tibda l-ħidma sabiex tara li dawn jitneħħew u li t-tfal ikunu jistgħu jilagħbu b’mod liberu fil-ġonna u l-bandli tagħna. Jekk ma jilagħbux hemm fejn tridhom jilagħbu.”
Huwa kompla jsostni kif dawn il-bidliet fost l-oħrajn huma parti mill-aġenda riformista tal-Partit, li kienet u se tibqa’ tkun fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.
“Sena ilu ġejt quddiemkom bi tliet punti: li nġeddu l-istrutturi ta’ dan il-Partit, li nsaħħu l-kunett ta’ moviment u li nfasslu l-futur ta’ pajjiżna. Kont, għadni u nibqa’ nemmen li dawn huma l-ingredjenti biex nibqgħu l-aktar forza politika relevanti fil-pajjiż. Ħdimna fuq it-tliet aspetti u fadlilna ħafna iktar x’nagħmlu dwarhom. L-aġenda riformista trid tibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tagħna.”
Qabel il-Perit Micallef tkellmet il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard, li rriflettiet dwar dak li jfisser għaliha l-politika filwaqt li tkellmet ukoll fuq dak li rnexxielu jikseb fi żmien ta’ sfida dan il-Gvern.
Hija sostniet kif il-valuri li jmexxu lilha huma l-istess valuri li jmexxu lill-Partit Laburista u b’hekk wieħed jista’ jara kif dan il-Partit fil-Gvern irnexxielu jibqa’ b’idejh fuq il-polz tal-poplu.
Fid-diskors tagħha, hija sostniet li l-Partit Laburista huwa l-Partit tal-ħaddiema u anke ta’ min iħaddem għaliex dawn huma lkoll importanti u fiċ-ċentru tal-Partit Laburista.
Għalhekk, żiedet tgħid kif b’sens t’umiltà il-Partit Laburista m’huwiex moħħu biex jirbaħ il-punti politiċi, u meta jiġi l-mument tal-għażla għall-poplu Malti, il-Partit lest li jiġi ġġudikat.
Dr Ramona Attard saħqet, “Min-naħa tagħna, il-Prim Ministru jsejjaħ l-elezzjoni u m’għandniex dubju li dan isejjaħha fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi. Aħna l-elezzjonijiet ma jdejquniex u qed ngħid dan b’sens t’umiltà. Ma jdejquniex għax aħna se mmorru quddiem il-poplu b’manifest b’saħħtu xprunat mill-mitt idea, u b’kandidatura b’saħħitha u għalhekk b’umiltà mmorru quddiem il-poplu Malti u Għawdxi.”