Waqt intervista fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li l-Partit Laburista se jlaqqa’ konferenza bejn is-17 u l-20 ta’ Settembru li ġej.
Il-Mexxej Laburista spjega kif il-mitt idea tal-Partit Laburista se jwasslu għal konferenza li matulha jinbtu aktar proposti u ideat, lejn aktar tiġdid.
Dan għaliex il-Partit Laburista huwa l-iktar forza politika b’saħħitha frott kemm huwa ħaj u mhux supperv għax jisma’.
Dr Abela qal li l-Partit Laburista għandu l-motivazzjoni li jkompli jibdel u jġedded lil Malta.
Qal li dawn il-proposti jistgħu jkunu riflessi anke fil-budget għas-sena d-dieħla li se jitressaq fil-11 ta’ Ottubru li ġej.
Il-Mexxej Laburista qal: “Bejn is-17 u l-20 ta’ Settembru se nkunu qed inlaqqgħu konferenza fejn nistiednu lid-delegati tal-Partit u membri tal-partit u nistiednu lil kull min jemmen li għandu kontribut x’jagħti lil pajjiżna sabiex iressaq l-ideat tiegħu u niddiskuthom flimkien imbagħad infasslu dak li aħna nemmnu fih għall-futur ta’ pajjiżna fl-immedjat anke fit-tfassil finali tal-Budget 2022.”