Il-Partit Laburista se jibqa’ l-forza tal-mobilità soċjali.
Kien b’din id-dikjarazzjoni li l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela assigura aktar prosperità jekk fis-26 ta’ Marzu jingħata l-mandat sabiex imexxi lill-pajjiżna għal ħames snin li ġejjin.
Dr Abela qal dan quddiem folla sabiħa ta’ nies li minkejja t-temp inġabret taħt tinda kbira fuq il-Fosos tal-Floriana għar-rally Team Malta tal-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru stqarr, “Aħna nibqgħu l-forza tal-mobilità soċjali. U jekk bit-tajjeb li għamilna ħloqna middle class ġdida, b’dak li se nagħmlu fil-ħames snin li ġejjin, dik il-middle class irridu nsaħħuha. Għalhekk pagi aħjar għal kulħadd! Għalhekk roħs fit-taxxa għal kulħadd! Għalhekk l-ikbar investiment fin-negozji!”
Il-Prim Ministru sostna kif mit-Tnejn stess il-poplu se jibda jirċievi ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa. Ċekkijiet li Bernard Grech irid jaqtahom.
Dr Abela rrimarka, “Lawrence Gonzi kien jintaxxah lil dak fuq il-paga minima. Bernard Grech iwaqqaflu ċ-ċekk ta’ €140. Iċ-ċekkijiet li minn għada se tibdew tirċievu jkunu tal-aħħar jekk tafdaw lil Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista. Tirriskjawx! Aħna mhux talli se nżommuh daċ-ċekk imma se nsaħħuħ u miegħu nwessgħu t-tax bands.”
Fuq dawn il-miżuri u ħafna aktar mill-elf li hemm fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, il-Mexxej Laburista tenna l-kredibbiltà tal-Partit Laburista.
Saħaq li Gvern Laburista dejjem żamm man-naħa tan-nies u f’mumenti ta’ sfidi oħra, neħtieġu iżjed iċ-ċertezza u l-istabilità li ta l-Gvern anki waqt pandemija.
Robert Abela sostna, “Fl-aħħar jiem staqsewna, lili, lill-sħabi: imma bil-gwerra fl-Ukranja kif tistgħu tibqgħu tgħinu n-nies? Kif tistgħu tibqgħu ssostnu l-familji? Nistgħu – għax dik hi l-ħaġa s-sewwa li għandna nagħmlu. Nistgħu, mhux għax tkun l-aktar triq faċli. Imma għax hi t-triq il-ġusta. U kull darba li aħna ffaċcjajna għażla; dejjem konna fuq in-naħa tan-nies. Lil min irid ibeżża ngħidlu. Aħna għandna fiduċja f’dan il-pajjiż.”
Kien b’hekk li fil-konklużjoni tad-diskors tiegħu l-Prim Ministru sostna l-importanza ta’ kull wieħed u waħda minnha fil-jiem li ġejjin sabiex pajjiżna jassigura politika għall-futur isbaħ għal pajjiżna.
Dr Abela temm jgħid, “Ejjew naħdmu għal Malta Flimkien. Irridu nkunu Tim Malta b’ħarsitna lejn il-futur. Agħtuni l-ewwel mandat biex minn elf proposta nagħtikom elf kisba ġdida. Għax flimkien se nsostnu aktar il-pensjonanti. Flimkien se ngħinu t-tfal u ż-żgħażagħ iwettqu l-ħolm tagħhom. Flimkien se jkollna familji bi kwalita ta’ ħajja aħjar. Flimkien se noħolqu Għawdex u Malta isbaħ. Flimkien pajjiżna jkompli jkun suċċess. Malta Flimkien, il-futur sabiħ.”