Fil-ġranet u fix-xhur li ġejjin, il-Partit Laburista se jkun qed jgħaddi minn żminijiet eċċitanti bi proċess ta’ tiġdid. Dan intqal mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista li kellu fuq ONE Radio waqt il-programm ‘Sibt il-Punt’ mal-preżentatur Manuel Micallef.
Qal, “Fejn se nimxu lejn proċess ta’ tiġdid, li se jkun qed jibda mill-milì tal-karigi, li issa huma vakanti, kemm fl-amministrazzjoni, kif ukoll l-ogħla karigi tal-Partit. Persuni ġodda li, imbagħad, iridu jimbottaw il-viżjoni reviżjonata li għandna wkoll, li toħroġ anke mill-messaġġ li bagħat il-poplu fit-8 ta’ Ġunju. Messaġġ li tajna attenzjoni kbira għalih. Jiġifieri għandna x-xorti li nitilqu minn pajjiż li għandu ekonomija b’saħħitha, b’suq tax-xogħol b’saħħtu, imma li nemmen li rridu nġibu bidliet ukoll.”
Il-Mexxej Laburista semma kif bħalissa għaddejjin numru ta’ assemblei flimkien ma’ numru ta’ persuni, inkluż l-attivisti tal-istess partit, li qed jiddiskutu bosta temi kurrenti, fost oħrajn biex il-Partit Laburista jibqa’ l-akbar forza politika f’pajjiżna. B’dawn il-laqgħat qed ilaqqgħu lil bosta persuni flimkien biex anke l-Partit Laburista jaħdem aktar favur il-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
Intqal li dan għandu jkun irreplikat fit-tmexxija tal-pajjiż, fejn għandhom isiru laqgħat mal-istakeholders dwar temi kurrenti.
Waqt l-istess intervista, il-Prim Ministru tkellem dwar kif il-Gvern qed jaħdem għal aktar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Stqarr, “Jiġifieri jiena nibqa’ nappella u naċċenna għar-responsabilità. Jalla ma niġux bżonn li nimponu l-multi, jalla. Imma r-realtà turik li probabiliment se jkollok turiha l-istikka. Għax hemm bżonn nibgħatuh dan il-messaġġ, mhux aċċettabbli li tilgħab bis-saħħa tal-ħaddiema, aktar u aktar ma’ ħajjet il-ħaddiema. Jiġifieri hu ġust li dak li jkun joħroġ għal ġurnata tiegħu tax-xogħol u ma jirritornax lura jew jirritorna lura mweġġa’ jew agħar minn hekk jispiċċa fi sptar, fejn għandu korriment serju?”
Fost it-tibdiliet li se jkun hemm, Dr Abela semma li se jiddaħħal ukoll il-kunċett obbligatorju ta’ Health and Safety Responsible Officer għal ċerti industriji kbar jew li huma ta’ riskju.
F’din l-intervista, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-proġett ambjentali importanti tax-shore-to-ship, fejn fil-jiem li ġejjin, l-ewwel cruise liners se jidħlu fil-Port il-Kbir u se jitfu l-magni. Dan qed isir b’investiment massiċċ ta’ aktar minn tletin miljun ewro li se jelimina mad-disgħin fil-mija tat-tniġġis fil-port, anke għall-ġid ta’ dawk l-eluf ta’ familji li jgħixu viċin tiegħu mad-dawra tal-Port il-Kbir.