Meta ninsabu f’nofs il-Kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tat-tmienja ta’ Ġunju, bħala parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Laburista bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u l-Parlament Ewropew, flimkien ma’ esponenti ewlenin fit-tmexxija tal-Partit Laburista, il-Ħadd filgħodu sebħu fit-toroq tar-Rabat u ltaqgħu man-nies li kienu qed jixtru minn fuq il-monti.
Kulħadd kellu l-opportunita li jitkellem mat-tmexxija u l-kandidati tal-Partit Laburista dwar bosta temi.
Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, stqarret ma’ ONE News kif il-Partit Laburista se jibqa’ jinżel qalb il-komunitajiet Maltin u Għawdxin u jkompli jkun qrib in-nies.
Sadanittant wara l-Mass Rally fil-Mosta, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ u tkellem ma’ għadd ta’ nies li nġabru fil-pjazza prinċipali, fosthom pensjonanti li rringrazzawh taż-żidiet li ta’ kull sena qed jagħtihom fil-pensjonijiet.
Il-Prim Ministru Abela żar in-negozji fl-inħawi u tkellem mas-sidien u dawk li kienu fil-pjazza, fosthom ommijiet li nġabru biex jieklu xi ħaġa flimkien jew jieħdu kafè fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm.