Għal darb’ oħra, il-Partit Laburista se jkun qalb in-nies, permezz t’attività politika oħra, nhar il-Ħadd, fl-10:30 ta’ filgħodu, fiċ-Ċentru Laburista tan-Naxxar, li tilħaq il-qofol tagħha bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela.
F’kumment ma’ dan l-istazzjon, il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, qalet li din hija okkażjoni oħra sabiex il-Partit Laburista jiħbor lil kulħadd flimkien fiċ-ċentri, fil-qalba tal-komunitajiet.
Qalet, “Hija okkażjoni sabiex kull min iħobb il-politika niltaqgħu kollha flimkien, imma hija okkażjoni wkoll anki min ma jsegwix il-politika forsi ta’ kuljum, ta’ kull ġimgħa, imma jaħseb li għandu r-rieda li jsegwi l-messaġġ tal-Prim Ministru u ta’ kull min se jitkellem fl-attività.”
Attard, qalet li din l-attività se sservi wkoll sabiex taġġorna bil-ħidma tal-Partit Laburista kemm fuq livell governattiv u anke fil-livell ta’ partit. Dan anke biex jitwassal il-messaġġ tal-baġit bit-tema ‘Malta Ġusta’.
Stqarret, “Fuq kollox l-attività tal-Ħadd isservina wkoll biex naraw quddiemna, nisimgħu dak li jkun ġara tul il-ġimgħa fil-kalendarju politiku, l-impenn tal-Gvern immexxi mill-Partit Laburista, l-impenn tal-Gvern biex issa nkomplu nwasslu l-messaġġ tal-baġit ‘Malta Ġusta’, imma wkoll nirriflettu dak li seħħ anki fl-isfera internazzjonali, speċjalment bl-intervent ta’ Malta f’din il-ġimgħa.”