It-Tnejn filgħodu, fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali tal-Partit Laburista bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, membri mill-amministrazzjoni Laburista, deputati Parlamentari u kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew sebħu fil-Mosta biex ikomplu jagħmlu kuntatt man-nies.
F’diversi stabbilimenti u fuq il-monti tal-Mosta huma tkellmu ma’ dawk preżenti b’rabta ma’ diversi temi, ftit ġimgħat ’il bogħod mill-appuntament elettorali li jmiss, dak tat-8 ta’ Ġunju.
Preżenti wkoll il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, li tkellmet magħna dwar l-importanza li, hekk kif tixhed it-tema ta’ din il-kampanja, ir-rappreżentanti tal-Partit se jibqgħu jinżlu qalb il-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
“Nidejna l-kampanja elettorali waqt l-għeluq tal-Konferenza Ġenerali, bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, u llum sbaħna hawnhekk mal-Maltin, din id-darba mal-Mostin.”
Hi semmiet ukoll kif, anke minn qabel il-Konferenza Ġenerali, din il-kampanja se tkun mibnija fuq il-kuntatt man-nies.
“Kif għamilna qabel il-Konferenza Ġenerali, u qabel ma nidejna l-kampanja elettorali, u kif se nagħmlu matul din il-kampanja elettorali kollha, se niltaqgħu, kuljum, f’kull ħin u kull mument man-nies. U għalhekk nieħu gost li ninsabu hawn flimkien mal-kandidati tal-Kunsill għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, kif ukoll dawk għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.”