Is-Sibt filgħodu, bħala parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Laburista bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, membri mill-amministrazzjoni Laburista, flimkien ma’ deputati Parlamentari u kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew, sebħu f’Ħal Qormi biex ikomplu jagħmlu kuntatt man-nies.
Ftit ġimgħat ’il bogħod mill-appuntament elettorali tat-tmienja ta’ Ġunju, fil-monti ta’ Ħal Qormi huma ltaqgħu u tkellmu ma’ dawk preżenti dwar bosta temi.
Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, stqarret magħna kif ir-rappreżentanti tal-Partit se jibqgħu jinżlu qalb il-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Qalet, “L-islogan tal-kampanja elettorali, ‘Is-saħħa lill-Maltin’, u kuljum, f’kull mument tal-ġurnata nistgħu ngħidu qed niltaqgħu mal-Maltin u Għawdxin f’diversi okkażjonijet differenti, jekk hux il-monti, jekk hux xi attivitajiet partikolari, is-soap boxes li qed jagħmel il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista kif ukoll attivitajiet politiċi taħt id-diversi lokalitajiet.”