Il-Partit Laburista kompla biż-żjarat qalb il-komunitajiet. Din id-darba bi żjara fil-Park ta’ Xrobb l-Għaġin u ċ-ċentru tal-iżvilupp sostenibbli fi ħdan dan il-park, fil-limiti ta’ Marsaxlokk.
Dan bħala parti mill-ġimgħa tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’.
F’din iż-żjara, il-President ta’ Nature Trust, Vincent Attard, spjega li dan iċ-ċentru jitħaddem b’enerġija rinnovabbli.
Qal, “Dan il-park hu, l-ewwel nies, li aħna dan inġibuh carbon natural, jiġifieri mexjin proġett wara l-ieħor biex dan il-park, eventwalment jimxi mal-miri tal-awtoritajiet tal-pajjiż li nnaqqsu l-karbonju fl-arja. Fil-fatt dan il-park, li se jerġa’ jiftaħ f’Novembru, nisperaw wara proġett ieħor kbir mill-Unjoni Ewropea ta’ €2 miljun, li rnexxielna nġibu.”
Hu spjega aktar dwar dan il-park li se jinfetaħ dalwaqt għall-familji.
Stqarr, “L-idea hu li flimkien, kemm mal-park innifsu, kemm għall-viżitaturi li jistgħu jittrattaw biex jaraw anke ħlejjaq, annimali slavaġġ li ġieli Malta ma jarawhomx u anke għat-turiżmu, nistgħu wkoll inġibu aktar, biex ngħidu hekk, nuru li l-ambjent u l-ekonomija issa jmorru id f’id.”
Preżenti kien hemm id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph de Battista, u l-Viċi President tal-Partit Laburista, Louis Gatt.
Magħhom kien hemm il-Whip u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputata Amanda Spiteri Grech.
Randolph de Battista tenna li din iż-żjara fil-qalba tal-komunità turi eżempju ta’ fejn il-familji għandhom jgħixu.
Stqarr, “Jgħinu biex insebbħu pajjiżna u biex lit-tfal ngħallmuhom kif iridu jgħixu, jieħdu ħsieb l-ambjent, jagħtu lezzjoni wkoll lill-kbar. Imma dik il-komunità li rridu ngħixu fiha, fejn nistgħu ngawdu mal-familja tagħna, postijiet bħal dawn, biex ħajjitna tkun aktar b’saħħitha.”
Il-qofol tal-Konferenza Ġenerali jintlaħaq il-Ħadd li ġej, b’diskors mill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt Valletta, mill-10:30 ’il quddiem.