Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat, tkellem dwar kif illum huwa ċar li l-Partit Laburista u l-moviment imdawwar miegħu huwa l-uniku kapaċi biex jiggverna dan il-pajjiż.
Il-Prim Ministru qal dan f’attività politika f’Ħaż-Żabbar li matulha saħaq li din titfa’ iktar responsabbiltà fuq l-istess partit. Responsabbiltà li tidher fil-mod kif qed ikunu indirizzati għadd ta’ temi importanti li ddominaw l-aħbarijiet il-ġimgħa fosthom l-immigrazzjoni rregolari, id-demokrazija u r-rule of law.
Meta tkellem dwar dak li seħħ fl-aħħar jiem b’rabta mas-saga tas-Sea Watch, Muscat tkellem fid-dettall dwar dak li jwassal biex immigranti jħallu kollox biex permezz ta’ dgħajsa jittamaw li jsibu ħajja aħjar.
Filwaqt li spjega kif żviluppat l-aħħar kwistjoni tal-immigrazzjoni, b’rabta mas-Sea Watch, Joseph Muscat qal li hi sitwazzjoni li taqta’ fejn taqta’ se joħroġ id-demm. Fisser kif min kien responsabbli tas-sitwazzjoni ma ħadiex u bdiet il-pressjoni fuq Malta.
“Aħna l-argument tagħna kien li din mhix problema li ħloqniha aħna u s-soluzzjoni ma tistax tkun tagħna biss,” qal il-Prim Ministru li fisser kif tul dawn it-tliet ġimgħat il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw 250 persuna u ġew Malta bla kwistjoni ta’ xejn.
“Minn naħa jkun hemm min jgħidlek iċċedix, ħallihom jitkissru, affarihom u jkun hemm min jgħidlek daħħalhom u toqgħodx tinnegozja. Aħna provajna ndaħħlu ftit sens komun, bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea,” fisser Joseph Muscat li fakkar kif bħala pajjiż nosservaw ir-regoli u anke l-NGOs għandhom bżonn jibdew josservaw ir-regoli.
Tkellem dwar kif hawn għamel l-argument li pajjiżna jistħoqqlu l-għajnuna għax josserva r-regoli. “Sħabna l-Ewropej qalulna għandkom raġun. Dak li ġara li parti sostanzjali, iktar minn nofs ta’ dawk li salvajna, ukoll ittieħdu minn pajjiżi oħra Ewropej,” fakkar il-Prim Ministru li rrimarka kif numru ta’ persuni se jintbagħtu lura pajjiżhom għaliex m’għandhomx dritt joqgħodu pajjiżna.
Joseph Muscat żied kif is-sitwazzjoni fuq livell Ewropew mhix tenibbli. “Ir-Rebbiegħa tiġi, is-sajf se jiġi u hemm bżonn soluzzjonijiet fejn nifhmu lil kulħadd. L-Ewropa ma tistax tkun free for all… li taqbad dgħajsa u tidħol qisu ma ġara xejn. Minn naħa l-oħra ma nistgħux li dan il-kontinet li jaspira li jmexxi d-dinja… jgħalaq għajnejh fil-każijiet umanitarji ta’ veru,” saħaq il-Prim Ministru li fisser kif dan il-bilanċ għadu ma jidher imkien.
“Jien ngħid ejja nkunu sensibbli. Dak li qed jipprova jgħamel il-gvern Malti. Ikun sensibbli billi jagħti l-għajnuna fejn hemm bżonn. Min-naħa l-oħra hemm kwistjoni ta’ sigurtà. Ma jistax’ ikun free for all,” qal il-Prim Ministru li rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi li ħassu jappoġġja d-deċiżjoni tiegħu. “Iħoss il-poplu Malti u Għawdxi li dan il-mod kif isiru l-affarijiet…. Aħna poplu li jħenn. Poplu li ġarrab u li jagħti l-għajnuna. Dak l-istint naturali tagħna. Din hi l-fama li rridu nżommu. Mhux li nagħtu minn dak li m’għandniex imma li jkollna din it-tip ta’ politika ta’ sens komun,” qal Joseph Muscat.
Demokrazija sħiħa
F’Ħaż-Żabbar il-Prim Ministru tellem ukoll dwar kif pajjiżna reġa’ ġie kwalifikat bħala wieħed minn 20 pajjiż minn madwar id-dinja li huma klassifikati bħala demokrazija sħiħa.
“U Malta hi waħda minn dawk l-għoxrin pajjiż. Kemm jien kburi. U kull waħda u wieħed minnha għandna għaliex inkunu kburin. Dan hu akkwist li għamilna lkoll flimkien,” qal Joseph Muscat li tkellem ukoll dwar fejn irridu ntejbu. “Jien nixtieq inkunu mill-inqas fit-top ten,” saħaq Joseph Muscat li spjega kif hemm nuqqas enormi fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika.
“Għandna kollox ta’ demokrazija cutting edge fid-dinja ħlief li m’għandniex nisa jieħdu sehem fil-ħajja pubblika…. ma jistax ikun li nibqgħu ma ngħamlu xejn. Possibbli dan il-pajjiż mhux kapaċi biex jiftaħ il-bieb lin-nisa biex tassew jimxi ‘l quddiem,” irrimarka Joseph Muscat.
Hawn żvela kif fil-ġimgħat li ġejjin se tibda l-konsultazzjoni pubblika li se tara kif se jitwettaq il-pjan, approvat mill-poplu, biex iktar nisa jkunu fil-parlament.
“Għandna bżonn mekkaniżmu li permezz tiegħu ikun hemm iktar nisa. Mhux in-nisa jieħdu post l-irġiel imma nżidu l-postijiet biex ikun hemm iktar nisa mal-irġiel,” kompla l-Prim Ministru li indika li dan għandu jkun mekkaniżmu għal numru ta’ snin, bil-Prim Ministru jgħid li ġenerazzjonijiet ta’ għoxrin jew ħamsa u għoxrin sena oħra jiddeċiedu jżommux il-mekkaniżmu jew le.
B’referenza għas-saltna tad-dritt Joseph Muscat tkellem dwar is- sentenza tal-qorti din il-ġimgħa u r-reazzjoni għaliha ta’ Simon Busuttil, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni. Iddeskriva l-attakk tiegħu fuq il-qorti bħala “surreali” u ta eżempji tad-differenza fl-attitudni bejn iż-żewġ partiti.
“Jien il-Qrati kien hemm fejn nista’ nattakka bl-iktar mod assolut. Il-Qorti fil-leġiżlatura li għaddiet neħħitilna s-siġġijiet mill-maġġoranza li kellna… kieku kien gvern b’maġġoranza ta’ siġġu wieħed kien jaqa’. Smajtuna b’xi mod jew ieħor nattakkaw il-qorti?” kompla l-Prim Ministru.
“Id-dillirju li qabdu xi ħaġa ta’ barra minn hawn… jekk ma taqbilx għid fejn ma taqbilx mhux tgħid unbeliavable. Unbeliavble min ħareġ b’dan il-gideb,” kompla l-Prim Ministru li fisser kif dawn huma persuni li jew jilagħbu huma jew iħassru kif jidher li qed jiġri fil-Partit Nazzjonalista.
B’referenza għal dak li għaddej fl-Oppożizzjoni, Joseph Msucat, tenna kemm kien għaqli l-poplu meta m’għażilx lill-oppożizzjoni biex tmexxi l-pajjiż. “Kieku qegħdin fil-gvern u nqalgħu dawn l-affarijiet kollha kieku l-ekonomija ġġamjat. Dawn lanqas kapaċi jmexxu oppożizzjoni bejniethom, aħseb u ara kemm kapaċi jmexxu l-pajjiż,” tenna l-Prim Ministru.
Qal li s-sitwazzjoni fil-PN bħalissa tfakkru f’dak li ġara wara d-divorzju meta tkellmu n-nies u li kien għar-rapprezentanti tal-PN x-xewqa tal-poplu ma kinetx implimentata. “Din hi l-istess ħaġa… dawn il-persuni li qegħdin fuq wara tal-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista jemmnu li tagħhom biss tista’ tgħaddi. Li d-demokrazija relevanti biss jekk tiddeċiedi dak li jgħodd għalihom,” qal Joseph Muscat li kkummenta kif dan hu perikoluż immens.
Responsabbiltà ikbar
“B’dak li qed jiġri fil-Partit Nazzjonalista huwa ċar li l-Partit Laburista u dan il-moviment huwa l-uniku kapaċi biex jiggverna dan il-pajjiż,” kompla Joseph Muscat li tkellem kif din titfa’ iktar responsabbiltà fuq il-Partit Laburista.
“Huwa żmien fejn mhux inrabbu l-kunfidenza, nitkessħu jew ninqatgħu minn mal-art. Huwa żmien li nidħlu f’qoxortna. Huwa ż-żmien li naħdmu iktar… li ma nitilfux il-kuntatt minn man-nies. Huwa ż-żmien li nifhmu lin-nies,” qal il-Prim Ministru.
Hawn tkellem dwar rapport li deher fil-mezzi tax-xandir dwar land reclamation fix-Xgħajra ta’ Ħaż-Żabbar. Fisser li kien hemm xi ħadd, mhux minn naħa tal-gvern, li llikja rapport mhux konkluż. “U issa intom taraw li aħna bħala gvern se ngħamlu xi ħaġa li nweġġgħu lis-south jew lil x’imkien f’dan il-pajjiż,” qal il-Prim Ministru.
“Għandna bżonn land reclamation, imma hemm metodi li ma jweġġgħu lil ħadd,” iddikjara Joseph Muscat li ta eżempji ta’ land reclamation li saru f’pajjiżna. “Il-mod ta’ kif issir trid tkun ambjentalment sostenibbli li ma tweġġa’ l-ħadd u li nistgħu nimxu ‘l quddiem bħala pajjiż,” kompla l-Prim Ministru.
“It-tieni tgħallima minn dak li qed jiġri fl-oppożizzjoni hija li nibqgħu naħdmu l-ħin kollu,” qal Joseph Muscat li saħaq li bħala Mexxej tal-Partit Laburista jinsisti li kull elezzjoni tibda xejn b’xejn.
“Tajjeb li nżommu saqajna mal-art. Infakkarkom, id-darba l-oħra kemm kienu elezzjonijiet li ġibda riżultat tajjeb ħafna… enormi kienet. Xorta tlieta bi tlieta ġejna bħala siġġijiet,” fakkar Joseph Muscat li fisser kif hemm ħafna affarijiet li jinfluwenzaw. Dan fl-istess ħin li nsista li l-Partit Laburista jibqa’ l-under dog dejjem.
“Dan kollu qed ngħidu għaliex minn issa hemm bżonn li naħdmu għall-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej… il-Partit Laburista għandu messaġġ ċar ħafna ta’ fejn irid jasal,” qal Joseph Muscat.