F’attività organizzata f’Bormla mill-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Clint Azzopardi Flores, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza bil-qawwa fuq il-messaġġ kontinwu ta’ Clint favur il-paċi.
Messaġġ, li jirrifletti l-ideali fil-viżjoni tal-Partit Laburista ta’ paċi fil-Mediterran, fl-Ewropa u madwar id-dinja kollha. “Nafu x’inhuma l-konsegwenzi ta’ dawk li jippromwovu l-armamenti. Għalhekk, l-għajta tagħna għandha tkun b’saħħitha favur il-paċi, l-istabbiltà u l-benesseri tal-popli,” tenna l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru ddeskriva lil Clint bħala negozjatur b’saħħtu li jaf kif jaħdmu l-istituzzjonijiet Ewropej u li, f’kull kariga li kellu, dejjem ħadem bis-saħħa biex l-interessi ta’ pajjiżu jimbottahom ’il quddiem.
Matul din l-attività, diversi personalitajiet tkellmu dwar il-valuri li jġorr Clint Azzopardi Flores bħala kandidat importanti għal din l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Is-Segretarja Parlamentari Alison Zerafa Civelli enfasizzat li fl-Ewropa għandna bżonn nies li jiddefendu l-interessi ta’ Malta u l-Maltin, u kandidati bħal Clint se jsaħħu lil Malta u l-Gvern biex dan ikompli jindokra lill-poplu Malti u Għawdxi.
Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ma jaqtgħux qalbhom u ddeskriva lil Clint bħala eżempju ta’ persuna li avvanzat fil-karriera u issa qed jidħol għal sfida oħra importanti.
Id-Deputat Chris Agius semma l-kapaċitajiet u l-esperjenzi ta’ Flores li jgħinuh jirrappreżenta lil pajjiżna b’mod effettiv, billi hu prodott tal-klassi tal-ħaddiema u tas-Soċjaliżmu.
Il-Ministru Byron Camilleri ddeskriva lil Clint Azzopardi Flores bħala persuna affidabbli, dejjem lest biex jagħti pariri siewja u suġġerimenti tanġibbli għall-ġid tal-pajjiż.
B’referenza għall-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa u l-attakki li qed jiġu minħabba l-għatx għall-poter tal-Partit Nazzjonalista, li jostakola l-ħidma tal-Gvern Laburista, Clint enfasizza l-importanza li l-elettorat jivvota għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista fit-8 ta’ Ġunju.
Saħaq kif il-vot hu l-akbar arma biex nagħtu risposta lil dawk li ma jridux jaraw lil pajjiżna javvanza fl-affarijiet kollha ta’ ġid li wettaq Gvern Laburista, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Clint Azzopardi Flores temm jgħid li l-Partit Laburista hu l-uniku tama għal dan il-pajjiż biex jibqa’ jmexxi ’l quddiem in-narrattiva tan-newtralità, tal-paċi u tal-progress ekonomiku.
“Kellu jkun il-Gvern Laburista, proprjament wieħed minna, il-Perit Duminku Mintoff, li ġabhom f’posthom b’negozjati u tana tama għal dan il-pajjiż … u ħa nibqgħu mmexxu ’l quddiem in-narrattiva tiegħek tan-newtralità u tal-paċi u tal-progress ekonomiku.”
Clint Azzopardi Flores – Kandidat Laburista