Il-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela żar diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż, minn Raħal Ġdid sa Ħal Qormi u r-Rabat, f’attività oħra qrib in-nies.
Minn post għall-ieħor, il-Prim Ministru tkellem dwar il-kisbiet ta’ Gvern Laburista fil-qasam tax-xogħol u sostna li pajjiżna rnexxielu jkabbar l-ekonomija tiegħu b’ħames darbiet aktar mill-medja tal-Unjoni Ewropeja, grazzi għall-bżulija, l-ħila u r-reżiljenza tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
“Iċ-ċavetta hija intom, il-ħaddiema ta’ dan il-pajjiż, il-ħaddiem miż-żgħir sal-kbir. Kull ħaddiem li għandu dan il-pajjiż huwa l-aqwa riżorsa li Għawdex u Malta għandhom. Tgħiduli vera dan il-pajjiż qatt ma kellu u qatt mhu se jkollu riżorsi naturali. Imma għandu l-aqwa ħaġa li pajjiżi oħrajn ma jistgħux jiftaħru biha. Is-saħħa tal-ħaddiem Għawdxi u Malti. U qegħdin f’ġimgħa fejn erbat ijiem oħra niċċelebraw dan il-jum tant għażiż għalina. L-ewwel ta’ Mejju.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Sostna li din it-trasformazzjoni kienet possibbli għax dan il-Gvern saħħaħ il-qagħda tal-ħaddiema. Fakkar kif fl-2013, Gvern Laburista wiret pajjiż bi tmint’elef ruħ qegħda iżda biddel ir-rotta u rnexxielu joħloq seba’ postijiet tax-xogħol għal kull persuna li qed tirreġistra.
Hawnhekk fakkar kif dan il-Gvern se jkun qed jerġa’ jagħti l-ħajja lill-iskejjel tas-snajja’ li kienu ngħalqu minn Gvern Nazzjonalista. Dan bl-istess mod kif b’sinerġija lejn l-MCAST, is-settur tal-avjazzjoni qed jagħti l-aqwa opportunitajiet ta’ tagħlim u anke tax-xogħol.
Dr Abela elenka lista sħiħa t’għajnuniet li qed joffri Gvern Laburista lin-nies u saħaq li dawn l-inċentivi jistgħu jibqgħu jingħataw sena wara l-oħra għax għandna ekonomija b’saħħitha.
“Filwaqt li ħaddieħor jgħidilna, issikaw iċ-ċinturin, aħna l-awserità ma nemmnux fiha. Aħna xogħlna hu li nibqgħu nixħtu l-flus ġewwa butkom u nnaqsu l-piżijiet tat-taxxi. U tgħiduli dan kif nagħmluh? Billi noħolqu aktar xogħol.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Sostna li għall-Gvern Laburista, il-qasam tax-xogħol, huwa ta’ prijorità assoluta tant li anke d-dokument dwar il-Viżjoni Malta 2050, ipoġġi fiċ-ċentru tiegħu dan il-qasam.
U proprju erbat ijiem ‘il bogħod miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru stieden lill-poplu Malti u Għawdxi biex jingħaqdu miegħu l-Belt Valletta għaliex bix-xogħol il-ġid għall-Maltin.
“Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, il-ħaddiem Għawdxi, il-ħaddiem Malti li bir-riżorsa tiegħu, bis-saħħa tat-tenaċità u tal-bżulija tiegħu, irnexxielu jimbotta lil dan il-pajjiż tant ‘il quddiem u għalhekk nistendikom biex nhar il-Ħamis, l-ewwel ta’ Mejju, ningħaqdu lkoll flimkien ġewwa l-Belt Valletta ħa niċċelebraw dan il-jum tant importanti għalina. Niċċelebraw lkoll dan il-jum tant importanti flimkien u għalhekk għaliex bix-xogħol, il-ġid għall-Maltin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
