Bil-ftuħ tal-Hospitality Lounge fl-isptar Mater Dei f’Diċembru li għadda, qed ikun hemm mal-elf siegha bed space iżjed fil-gimgħa. Dan ifisser li b’dan l-investiment, is-sodod fl-istess sptar qed ikunu disponibbli għal elf siegħa iżjed minn qabel.
Il-Hospitality Lounge huwa parti fl-isptar fejn pazjent li jkun ġie discharged, minflok jibqa’ jokkupa sodda sakemm ikunu finalizzati l-formoli meħtieġa, jmur hemmhekk fejn anki jistenna lill-qraba jew lil min ikun sejjer għalih.
Fi żjara li għamlet l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista fil-post, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne nnota li fi Frar, ma kienx hemm persuna waħda fil-kurituri. Dan b’differenza għat-8,200 li kien hemm fl-aħħar Xitwa ta’ amministrazzjoni preċedenti.
Barra minn dan, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon irrimarka wkoll li Jannar ta’ din is-sena, l-isptar laqa’ 500 persuna iżjed fuq Jannar tas-sena l-oħra. Dan kollu fi sfond ta’ rekord t’operazzjonijiet, listi ta’ stennija dejjem jonqsu, u mingħajr pilloli out of stock.
Il-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef qal li din hija biss waħda minn sensiela ta’ żjarat li qed tagħmel l-amministrazzjoni tal-Partit fil-Gvern, biex filwaqt li tibqa’ tħoss il-polz tan-nies, tara x-xogħol għaddej li l-poplu vvota għalih erba’ snin ilu.