Il-fiduċja fil-Partit Laburista żdiedet għall-51.9%.
L-akbar vantaġġ li gawda minnu l-Partit Laburista minn Awissu tal-2018 meta ħarġu l-konklużjonijiet tal-inkjesta EGRANT.
Tixhed dan statistika minn stħarriġ li sar mill-gazzetta Maltatoday li ttieħdet fl-eqqel tal-inċertezzi li ġabet magħha l-pandemija Covid-19.
L-istħarriġ juri li l-Partit Laburista jgawdi minn fiduċja ta’ 51.9% meta kkumparat mat-22.1% tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt fil-perjodu li ttieħed dan l-istħarriġ il-Partit f’tal-Pietà naqas fl-appoġġ li jgawdi b’punt perċentwal. B’hekk id-distakk bejn iż-żewġ partiti issa huwa ta’ 29.8%.
L-istħarriġ juri wkoll li 3.9% tal-persuni li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-2017 ser ikunu qed jixħtu l-vot tagħhom favur il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista jgawdi l-maġġoranza assoluta bejn l-irġiel u n-nisa kollha, u fost l-etajiet u r-reġjuni kollha madwar Malta u Għawdex.
Kien bejn il-kategorija ta’ dawk li għandhom 51 sena u 65 sena li l-Partit Laburista kiseb l-akbar appoġġ. Fil-fatt qed igawdi minn appoġġ ta’ 60% meta mqabbel ma’ 26.8% għall-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Laburista mar tajjeb ħafna wkoll fost l-aktar kategorija żagħżugħa ta’ bejn it-18 u 35 sena. Dan hekk kif kiseb appoġġ ta’ 47.1% meta mqabbel ma’ 14.4% biss tal-Partit Nazzjonalista. L-agħar prestazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fost l-etajiet kollha fis-soċjetà.
Fuq bażi reġjonali l-Partit Laburista jgawdi l-akbar appoġġ fix-Xlokk ta’ Malta b’appoġġ ta’ 73%. Hawnhekk il-Partit Nazzjonalista jikseb biss 12.3% tal-fiduċja.
Intant dan l-istħarriġ jkompli jberraq fuq il-Partit Nazzjonalista hekk kif 23.2% ta’ dawk li vvutawlu fl-elezzjoni tal-2017 qalu li huma xettiċi jerġawx jivvutaw lilu.
Dan filwaqt li 14.5% jgħidu li ma humiex ser ikunu qed jivvutaw.