Fi stqarrija, il-Partit Laburista sellem lil Dr Joseph Muscat u rringrazzjah tal-kontribut kbir u strumentali li ta fi ħdan l-istess partit f’diversi rwoli differenti. Fost oħrajn bħala mexxej għal tnax-il sena u nofs u Prim Ministru għal kważi seba’ snin.
Tul is-snin li għamel imexxi l-Partit Laburista, Dr Muscat bena moviment mill-aktar b’saħħtu u inklussiv li ressaq lejn il-Partit Laburista eluf għall-ewwel darba.
Is-snin li matulhom Dr Muscat kien mexxej żgur mhux forsi ser jibqgħu mfakkra għall-għaxar rebħiet storiċi f’għaxar elezzjonijiet.
Dan filwaqt li mill-elfejn u tlettax ‘il quddiem ta’ kull sena l-ekonomija kibret medja ta’ 7%, raħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, ingħalqet il-power station tal-Marsa, tressqu l-ewwel budgets mingħajr taxxi u daħlu liġijiet għad-drittijiet ċivili u IVF fost oħrajn.
Fl-istqarrija l-Partit Laburista sellem ukoll lil Michelle Muscat li dejjem kienet ta’ spalla għal Dr Muscat u ħadet diversi inizzjattivi biex tagħti vuċi lil diversi Malti u Għawdxin.
L-istqarrija temmet tirringrazzja lil Joseph Muscat talli taħt il-gwida tiegħu, Gvernijiet Laburisti poġġew lil pajjiżna f’qagħda iktar b’saħħitha milli qatt kien, biex jilqa’ għall-isfidi.