Illum l-eks deputat Nazzjonalista u avukat tal-għaqda Repubblika, Jason Azzopardi nstab ħati mill-Qorti Kriminali ta’ disprezz lejn il-Qorti, wara li ġibed filmati tal-Prim Ministru Robert Abela u tal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, fil-kurituri tal-Qorti, mingħajr permess.
Fi stqarrija mill-Partit Laburista nqtqal li Jason Azzopardi issa gideb anke lill-Qorti. Wara d-deċiżjoni tal-Qorti ta’ dalgħodu, l-unika ħaġa pronta kienet id-difiża tal-Kap de facto tal-PN Karol Aquilina, li ħareġ mill-ewwel bi stqarrija jiddefendi lil sieħbu Jason Azzopardi.
Fl-aħħar ġimgħat, Jason Azzopardi kien il-ħin kollu fl-aħbarijiet u dan wara li għal darba wara l-oħra, il-Qorti ċaħdet talbiet tiegħu biex jinfetħu inkjesti maġisterjali fil-konfront ta’ Ministri, nisa tagħhom u uffiċjali pubbliċi.
L-istess Jason Azzopardi nstab ħati li gideb fil-konfront tad-deputat Laburista Carmelo Abela.
Gideb ukoll fil-konfront tas-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol.
Gideb ukoll fil-konfront tal-Ministri Owen Bonnici u Silvio Schembri.
Gideb ukoll fil-konfront tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella.
U quddiem dan il-gideb kollu, Bernard Grech, minflok ma ddiżassoċja ruħu minn ma’ Jason Azzopardi, jistiednu ta’ spiss fuq il-media Nazzjonalista biex ikompli jħammeġ u jigdeb dwar in-nies. Saħansitra, il-filmati li Azzopardi ġibed illegalment fil-Qorti xxandru mill-media Nazzjonalista.
Karol Aquilina, Jason Azzopardi u Robert Aquilina huma ħaġa waħda u huwa sigriet magħruf li jiddettaw l-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista u dak li għandu xi jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Il-Partit Laburista temm jistaqsi numru ta’ mistoqsijiet: X’jaf Jason Azzopardi fuq Bernard Grech biex dan ma jasal qatt biex jiddiżassoċja ruħu minnu? Minn xiex qed jibża’ Bernard Grech? Għaliex daqstant imwerwer minn Jason Azzopardi?