Sadanittant , skont stqarrija għall-istampa mibgħuta mill- Partit Laburista fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-Parlament fl-aħħar jiem, fejn l-Ispeaker Anglu Farrugia safa fil-mira ta’ attakki insensati mill-Oppożizzjoni partikolarment mid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, il-Grupp Parlamentari Laburista, permezz tal-Whip Naomi Cachia, ippreżenta mozzjoni li tiddeplora u tikkandanna dan l-aġir fil-konfront tal-istess Speaker.
Din il-mozzjoni se tkun qed titressaq għal diskussjoni u vot nhar it-Tnejn li ġej.
Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista fil-mozzjoni tiegħu sostna li l-aġir u l-istqarrijiet fil-konfront tal-Ispeaker imbuttati mill-Kap de facto tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina huma għal kollox ibbażati fuq strateġija partiġġjana u ma jistgħux jitqiesu bħala kritika ġusta jew kostruttiva tas-Sedja.
Dan filwaqt li minkejja l-kritika kollha tagħha, l-istess Oppożizzjoni f’din il-Leġiżlatura ma appellat l-ebda mis-67 ruling li ngħata mill-istess Speaker minkejja li kellhom kull dritt li jagħmlu dan.
Il-mozzjoni tal-Grupp Parlamentari fakkret ukoll kif id-Deputat Karol Aquilina mar fl-estrem fost oħrajn meta għajjar lill-Ispeaker sfaċċat, oxxen u li mhux kapaċi jaħseb, u saħansitra qallu li messu jmur ipoġġi man-naħa tal-Gvern. Dan apparti li fl-aħħar jiem l-istess Aquilina, meta mitlub ma jibqax jinterrompi mis-sedja, huwa wieġeb li jrid iġiblu lill-Pulizija biex joħorġu mill-Parlament.
Jekk Bernard Grech irid juri kemm verament imexxi lill-Partit Nazzjonalista u mhux immexxi minn imnieħru, minn dak li kien fuq quddiem ta’ dan l-aġir fil-konfront tal-Ispeaker, għandu mhux biss isib l-awtorità biex iċanfar din l-imġieba u jara li każijiet ta’ diżordni bħal dawn ma jseħħu qatt iżda jivvota wkoll favur il-mozzjoni tal-Gvern.
Dan jekk verament jemmen u jipprattika r-rispett lejn l-istituzzjonijiet kif iħobb jgħid tant.
Aqra aktar: