Il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista approvat emendi biex l-età tat-tesserament tinżel minn 16-il sena għal 14-il sena. Il-Partit Laburista spjega kif tul l-aħħar sentejn, il-Forum Żgħażagħ Laburisti ra żieda ta’ żgħażagħ li għandhom inqas minn sittax li urew ix-xewqa li jissieħbu u jagħtu l-kontribut tagħhom fl-istess Partit.
Dan wara li l-Forum Żgħażagħ Laburisti ħabbar il-Kampanja Ġenerazzjoni Sittax sentejn ilu. Kampanja li kienu parti minnha numru ta’ żgħażagħ li llum il-ġurnata hemm minnhom li huma kandidati tal-Partit Laburista għall-Kunsilli Lokali.
Il-Forum Żgħażagħ Laburisti jirrikonoxxi li dan kollhu ma kienx ikun possibbli mingħajr ma jingħata id-dritt tal-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena, dritt li miegħu ġab ukoll interess qawwi fil-politika lokali, Nazzjonali u Ewropea. Din is-sekwenza ta’ avvenimenti turina kemm il-bidliet leġiżlattivi kapaċi jkollhom effett li jħalli impatti pożittivi fl-aspetti kollha tal-ħajja.
Il-Partit Laburista fakkar kif grazzi għal din l-inizjattiva ta’ Gvern Laburista, il-pajjiż jista’ jgħid li kuntrarju ta’ dak li qed jiġri f’ħafna pajjiżi oħrajn, l-interess taż-żgħażagħ fil-politika qiegħed jiżdied u mhux jonqos.