Il-Partit Laburista nieda proċess ta’ konsultazzjoni bl-isem ‘100 idea’ għat-tfassil tal-futur ta’ pajjiżna.
Dan l-eżerċizzju miftuħ jdur ma’ għaxar fori politiċi li jkopru l-oqsma kollha li jaffettwaw lil pajjiżna u l-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun ġie spjegat kif dan l-eżerċizzju ta’ diskussjoni ser jara li jinħolqu mitt idea li jixprunaw il-bidla f’pajjiżna.
Mitt idea propju fis-sena li l-Partit Laburista qed jagħlaq il-mitt senam it-twaqqif tiegħu.
Id-deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef, li nieda dan il-proċess, ser ikun responsabbli minn tliet fori politiċi bl-isem Soċjetà fejn kulħadd jimxi ‘l quddiem, Għawdex u Kunsilli Lokali aktar b’saħħithom.
Huwa qal: “Aħna nemmnu b’saħħa fil-Kunsilli Lokali, irridu naraw Kunsilli aktar empowered, irridu naraw Kunsilli li dejjem jattiraw l-akbar firxa wiesgħa ta’ talent possibli sabiex ikunu huma l-mezz ta’ trasformazzjoni li hemm bżonn fiċ-ċentri tal-irħula u l-ibliet tagħna. Fil-komunitajiet li aħna u l-familji tagħna ngħixu lkoll flimkien.”
Min-naħa tagħha l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Miriam Dalli ser tieħu ħsieb tliet fora politiċi bl-isem Ġid li jasal Għand Kulħadd, L-Ambjent: Ġid Komuni u Saħħitna.
Dr Dalli spjegat: “It-3 fora politiċi li ser inkun qed nikkordina jittrattaw l-ekonomija l-ambjent u is-saħħa u llum anke bl-esperjenza tal-aħħar xhur aktar minn qatt qabel nafu kemm dawn it-3 suġġetti huma konnessi flimkien u l-Partit Laburista jrid jara li noħorġu b’policies li jkunu qegħdin isostnu s-sostenibbiltà.”
Intant il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard ser tkun responsabbli mill-fora politiċi li jitrattaw l-ugwaljanza, il-futur ta’ wliedna, il-qafas demokratiku ta’ Malta u l-irwol ta’ pajjiżna fil-Mediterran, fl-Ewropa u fid-Dinja.
Hija saħqet: “Ilkoll indaqs. Qed inħarsu lejha bħal kulħadd għandu d-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu u f’pajjiżna għalhekk l-ugwaljanza twassal biex kulħadd iħossu nkluż u ħadd ma jibqa’ fil-periferija.
Kull min jixtieq jagħmel kuntatt, jista’ jagħmel dan billi jibgħat e-mail fuq 100@partitlaburista.org jew messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Partit Laburista.