Il-Partit Laburista nieda l-Manifest Elettorali tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Bit-tema “Malta f’Qalbna”, il-Manifest tal-Partit Laburista huwa msejjes fuq għaxar prioritajiet ewlenin, u jiffoka fuq it-temi li l-aktar jolqtu lill-Maltin u ’l Għawdxin fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
- DEJJEM FAVUR MALTA
- EKONOMIJA B’SAĦĦITHA
- EWROPA TA’ OPPORTUNITAJIET
- DEĊIŻJONIJIET AMBJENTALI KURAĠĠUŻI
- EWROPA IKTAR UGWALI
- EWROPA ĠUSTA
- NINVESTU FIL-ĠENERAZZJONIJIET TAL-LUM U GĦADA
- PRO-ATTIVI FL-ISFIDA TAL-IMMIGRAZZJONI
- SIGURTÀ
- GĦAWDEX
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-preżenza tal-kandidati li se jikkontestaw din l-elezzjoni f’isem il-Partit Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem fid-dettall dwar dawn l-għaxar punti li sejjaħ bħala “prioritajiet ċari ħafna”.
Il-Mexxej Laburista saħaq li dawk li se jirrapreżentaw lil pajjiżna fil-fora Ewropea għandhom jaraw li x-xogħol li jsir fuq livell Ewropew jikkumplimenta l-politika tal-Gvern fuq livell nazzjonali.
Dan filwaqt li jaraw li l-progress li jsir fuq livell Ewropew jimxi paripassu mal-istess direzzjoni tal-politika progressiva li qed tixpruna l-progress f’Malta.
Huwa faħħar il-ħidma tal-Membri Parlamentari Ewropej Laburisti fl-aħħar ħames snin – li fi kliemu dejjem żammew il-polz tal-poplu u ħarsu l-interess nazzjonali.
Il-Prim Ministru temm jgħid li dan huwa manifest li joffri direzzjoni ċara u jifhem l-isfidi li jaffaċċjaw il-Maltin u l-Għawdxin, bi pjan konċiż li jkompli jibni fuq dak li diġà sar, filwaqt li jagħti direzzjoni lill-Membri Parlamentari Ewropej Laburisti li se jirrapreżentaw lil pajjiżna.
Intant, il-Prim Ministru ppreżenta dan il-manifest sigħat biss wara li rrekordja l-ewwel dibattitu mal-Kap tal-Oppożizzjoni f’din il-kampanja, li se jixxandar il-Ħamis filgħaxija fuq l-istazzjon nazzjonali.
Hawnhekk innota li filwaqt li l-Partit Laburista għal darb oħra qed jagħti priorità assoluta lil Għawdex, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia mar lura mill-appoġġ tiegħu għall-mina bejn iż-żewġ gżejjer.
Dan hekk kif filwaqt li fil-Parlament ivvota favur mozzjoni li tgħid ċar u tond li l-mina se ssir, fid-dibattitu Delia qal li wieħed irid jara wara li jsiru l-istudji.