Fit-tielet ġimgħa tal-kampanja elettorali li se twassal għall-elezzjoni ġenerali tas-Sibt 26 ta’ Marzu, il-Partit Laburista kompla jippreżenta l-pjan għall-futur sabiħ ta’ pajjiżna.
Dan hekk kif il-Ġimgħa tlaqqgħet il-Konferenza Ġenerali, li approvat b’mod unanimu l-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
Robert Abela stqarr, “Dan il-pajjiż qed jinvesti. U se jinvesti f’uliedna. Dan il-pajjiż huwa wieħed ta’ opportunitajiet. Għax irrid li uliedna – l-istilel ta’ team Malta – ikollhom opportunitajiet indaqs, anzi iva kull tifel u tifla f’Malta trid titlaq mill-istess punt ta’ tluq… sabiex ikunu huma li jieħdu lil pajjiżna fil-livell li jmiss.”
Manifest elettorali li fih elf proposta ambizzjuża, maqsuma f’għoxrin kapitlu li jħarsu lejn kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi, fil-ħames snin li ġejjin u lil hinn.
Il-Ħamis kien hemm ukoll l-ewwel dibattitu bejn il-mexxejja fl-Università ta’ Malta, fejn hawnhekk il-Prim Ministru għadda l-messaġġ ta’ Malta isbaħ b’opportunitajiet għal kulħadd.
Hawnhekk Dr Abela kellu ċans jaqsam il-pjan ta’ Gvern Laburista ġdid, jekk jingħata l-fiduċja.
Il-Prim Ministru stqarr, “Mhux se ngħidilkom ivvutaw Labour. Ngħidilkom biss, araw x’qed joffru ż-żewġ partiti. Iflu sew bejn il-proposti taż-żewġ naħat u ddeċiedu. Ivvutaw għal ambjent aħjar, ivvutaw għal kwalità ta’ ħajja aħjar, ivvutaw għal aktar ugwaljanza, ivvutaw għal soċjetà fejn ikollkom sehem minnha, ivvutaw għal aktar riformi, ivvutaw għal dak li temmnu huwa l-aħjar pjan, ħudu liema triq tixtiequ imma vvutaw għal Malta, ivvutaw għall-futur tagħkom.”
Kien dibattitu li fih il-Prim Ministru Robert Abela kkonvinċa lill-istudenti preżenti, fejn dawn innutaw l-argumenti b’saħħithom u t-tweġibiet f’waqthom.
Fl-ewwel ġurnata ta’ din it-tielet ġimgħa tal-Kampanja Elettorali, il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta sett ta’ proposti interessanti għan-negozji u li għandhom l-għan li jkomplu jsaħħu l-ekonomija u jinħolqu aktar impjiegi.
Fost dawn hemm skema li se tagħti rifużjoni sħiħa tat-taxxa fuq qligħ li jiġi investit mill-ġdid f’negozji.
F’Jum il-Mara, il-Prim Ministru ħabbar kif Gvern Laburista ġdid se jinċentiva aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dan hekk kif il-Partit Laburista qed jipproponi li kumpanji li jħaddmu aktar minn ħamsin persuna u jkollhom erbgħin fil-mija tat-tmexxija eżekuttiva tagħhom nisa, jingħataw tax credit sa massimu ta’ ħamsin elf ewro.
Il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard waqt programm fuq l-istazzjon ONE ħabbret li mill-ispiżeriji ser tingħata b’xejn il-Morning After Pill u anki kontraċettivi oħra.
F’jum il-mara wkoll, mart il-Prim Ministru Lydia Abela ltaqgħet ma’ diversi ħaddiema nisa.
L-Erbgħa filgħodu, il-Prim Ministru ħabbar investiment ta’ €22 miljun minn ġġant tal-farmaċewtika.
Imbagħad filgħaxija, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar kif Gvern Laburista se jkun qed jagħti aktar mediċini mingħajr ħlas, fosthom dawk tal-HIV.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef ħabbar li se jkun qed jinfetaħ ċentru tas-snajja’.
Il-Ħamis waranofsinhar u l-Ġimgħa filgħodu, il-Prim Ministru Malti attenda għal summit informali tal-Kunsill Ewropew f’Pariġi.
B’dan is-summit jiffoka fuq il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Hawnhekk pajjiżna kien minn ta’ quddiem biex ta’ għajnuna umanitarja lill-Ukrajna fejn intbagħat tagħmir mediku.