Hekk kif il-Ministru għall-Finanzi, il-Prof. Edward Scicluna issa ser ikun nominat għall-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali u se jirriżenja mill-pożizzjoni tiegħu ta’ Ministru u Deputat Laburista, il-Partit Laburista ma jistax ma jinnutax il-ħidma tant siewja li huwa wettaq f’dawn l-aħħar seba’ snin.
Fi stqarrija l-Partit Laburisrta nnota li l-2013, Gvern Laburista wiret pajjiż b’sitwazzjoni ta’ proċedura ta’ defiċit eċċessiv akkumulati taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti preċedenti.
“Kien il-Ministru Scicluna li tul dawn l-aħħar snin permezz tal-gwida tiegħu, mhux biss ħareġ lil Malta minn din is-sitwazzjoni fiskali meqjusa bħala mażżra ma’ saqajn il-pajjiż iżda li wassal għal tkabbir ekonomiku bla preċedent”, sostna l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista saħaq li b’dan it-tkabbir, pajjiżna seta’ jikseb surplus wara ieħor u Gvern Laburista seta’ jħabbar Budgets impekkabbli li tejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin u fl-aħħar mill-aħħar lill-pajjiż.
“Riċentament rajna wkoll kif dan l-għaqal ekonomiku miksub taħt il-Ministru Scicluna poġġa lil pajjiżna f’pożizzjoni mill-iktar b’saħħitha sabiex jiġġieled il-pandemija Covid-19”, kompla jgħid il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista awgura lill-Prof. Scicluna għall-kariga ġdida li għaliha huwa ġie nominat u rringrazzjah talli taħt il-gwida tiegħu Malta llum għandha l-aqwa ekonomija fl-Ewropa.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/11/19/il-professur-edward-scicluna-qed-jigi-nominat-gvernatur-tal-bank-centrali/