“Kwalità tal-ħajja aħjar u opportunitajiet għal kulħadd.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ingħatat ħarsa lura għall-proposti li tħabbru fil-bidu ta’ din il-ġimgħa.
Proposti li primarjament jolqtu s-settur edukattiv, il-ġenituri u t-tfal.
Id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista, Chris Fearne saħaq li l-Partit Laburista huwa preparat sabiex iwettaq il-proposti li qed iressaq.
Hawn fost oħrajn semma l-propostI favur l-iżvilupp tat-tfal tul ħajjithom u anke żidiet f’miżuri fosthom iċ-children’s allowance li prattikament se tiġi rduppjata.
Semma wkoll il-benefiċċji miżjuda għal min ikollu tarbija jew jadotta t-tfal filwaqt li enfasizza l-importanza tal-proposta tal-emendi fil-liġi IVF fejn issa l-proċess kollu se jingħata b’xejn anke għal dawk li jkunu jridu wild ieħor.
“Fuq kollox aħna meta nħarsu lejn għajnejn il-koppji, l-ommijiet, il-missirijiet potenzjali li jixtiequ li jkollhom tarbija u għax ikollhom problema ta’ infertilità, ma ngħidulhomx intkom ikkonslaw billi tħarsu lejn it-tfal ta’ ħaddieħor. Aħna ngħidulhom għamlu kuraġġ, aħna se nkunu magħkom. Fl-ewwel 100 jum ta’ Gvern Laburista ġdid se nkomplu nwessgħu l-proċess biex inthom ukoll ikollkom l-opportunità biex tħaddnu ħajja ġdida magħkom, ommijiet u missirijiet li fuq kollox twettqu u nagħmlu l-ħolma tagħkom li ssiru ġenituri realtà.”
Deputat Prim Ministru Chris Fearne
Minn naħa tiegħu l-Ministru Clifton Grima aċċenna għall-garanzija għat-tfal li ħabbar il-Partit Laburista jekk jingħata l-fiduċja jmexxi lil Malta fis-26 ta’ Marzu li ġej.
Hawn il-Ministru Grima rrimarka għall-estensjoni tal-miżura taċ-childcare b’xejn lil kulħadd, anke għal dawk il-ġenituri li ma jaħdmux.
Semma wkoll miżuri oħrajn bħall-inċentiv ta’ €300 fis-sena għall-attivitajiet extra kurrikulari tat-tfal barra mill-iskola, laptop b’xejn lill-istudenti tas-seba’ sena, l-estensjoni tal-one tablet per child fis-sekondarja u x-xiri ta’ uniformi fil-bidu ta’ kull sena akkademika flimkien ma’ servizz ta’ internet b’xejn u nuċċali tal-vista għal min ikollu bżonn u jgħix f’familja vulnerabbli.
“F’din il-garanzija biż-żidiet fic-children’s allowance li semma d-DPM u dak kollu li għadni kif semmejt jiena, se naraw investiment ta’ €145 miljun fuq ħames snin. Dan ifisser li bil-fatti se nkunu qed nkomplu ninvestu fil-qasam edukattiv. Bil-fatti se nkunu qed inkomplu qed nagħmlu d-differenza fil-ħajja tal-istudenti Maltin u Għawdxin. Irridu naraw lill-uliedna b’saħħithom, uliedna kuntenti, uliedna jimxu ’l quddiem fil-ħajja tagħhom.”
Il-Ministru Clifton Grima