- Ugwaljanza mingħajr kompromessi
Bil-liġi taż-żwieġ indaqs għal darba oħra l-Partit Laburista, kif ġara b’leġislazzjonijiet fil-passat u kull darba li kellhom jittieħdu l-passi li kien ilhom meħtieġa ż-żmien, qed juri li jinsab fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.
Fi stqarrija, l-Partit Laburista dal li permezz ta’ din il-liġi l-Gvern qed jara li jkun hemm ugwaljanza sħiħa u mingħajr kompromessi għax fejn tidħol l-imħabba ma jeżistu l-ebda kundizzjonijiet. Din il-liġi hija kwistjoni ta’ prinċipju, prinċipju li wieħed m’għandux jiddiskrimina persuna minn oħra sempliċiment abażi tal-orjentazzjoni sesswali tal-individwu.
Il-Partit Laburista qal li hija sfortuna li fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni kien hemm diskorsi pwerilli u saħanistra kien hemm diskors liż-żewġ irġiel l-aktar li jistgħu jkunu ħbieb u li l-unika żwieġ li jeżisti huwa bejn mara u raġel. Fuq kollox il-Kap tal-Oppożizzjoni qed ikompli jinsisti permezz tal-emendi li qed jippreżenta li għandu jkun hemm segregazzjoni bejn min huwa eterosesswali u min huwa omosesswali. Hija sfortuna li minkejja li l-Oppożizzjoni fil-kampanja elettorali li għaddiet qalet li se taħdem biex jiddaħħal żwieġ indaqs, huwa ċar li l-Oppożizzjoni mhux maqgħuda tant li kien membru fi ħdanha li vvota kontra fit-tieni qari tal-liġi.
“Kif wiegħed qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed ikompli jaħdem sabiex tabilħaqq pajjiżna jkompli jkun mudell għal pajjiżi oħra f’dawk li huma drittijiet ċivili għax kulħadd huwa maħluq indaqs,” qal il-Partit Laburista.