Fid-dagħdigħa partiġjana tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jinjora r-riformi li l-Gvern għamel u qed jagħmel fis-settur tal-kostruzzjoni. Dan ġie nnotat fi stqarrija mill-Partit Laburista, b’reazzjoni għal konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista li saret quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Hawnhekk intqal li l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, li tant isemmi l-Partit Nazzjonalista, lanqas biss kienet teżisti qabel twaqqfet minn Gvern Laburista u anke l-liċenzjar tal-kuntratturi sar taħt dan il-Gvern.
“Dawn bidliet li qed idaħħlu standards ġodda, li ebda Gvern Nazzjonalista ma kellu l-kuraġġ li jagħmel, u li saħansitra huma l-bażi biex jiġu implimentati numru ta’ rakkomandazzjonijiet mill-inkjesta pubblika Jean Paul Sofia,” sostna l-Partit Laburista.
Ġie mtenni li biex jibqgħu mingħalihom jiġġustifikaw it-talba mhux flokha tagħhom li jirriżenjaw tliet Ministri, il-kelliema tal-Oppożizzjoni qed jibqgħu jirrepetu ta’ kuljum dak li l-inkjesta pubblika ma qalitx. Fl-istess ħin ma jlissnux imqar kelma waħda fuq ir-riformi li pproponiet l-istess inkjesta, li diġà tkellem il-Gvern dwarhom u se jitwettqu.
Il-Partit Laburista sostna li minn nhar l-Erbgħa ’l hawn, lanqas imqar kien hemm kontribut wieħed mill-Oppożizzjoni, kif l-affarijiet jistgħu jsiru aħjar. Għax qed joħroġ b’mod ċar, kif għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-inkjesta pubblika hi sors ta’ gimmicks politiċi.
Tant hu hekk li Bernard Grech ħareġ jgħid li laqqa’ l-Grupp Parlamentari b’mod urġenti u se jressaq mozzjoni, li għandha tkun diskussa b’mod urġenti, biex imbagħad hu stess lanqas biss ressaqha l-Parlament.
“Għax l-għan tiegħu hu li jkarkar il-gimmicks politiċi,” temm jgħid il-Partit Laburista f’din l-istqarrija.