Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista qed jinxtegħel roża ta’ kull filgħaxija f’din l-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru. Dan wara li għal sena oħra ngħaqad mal-kampanja Pink October. Kampanja maħsuba bil-għan li tkompli titqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa tal-prevenzjoni mill-kanċer tas-sider.Meta żaret iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, iċ-ċerpersin tal-Fondazzjoni Marigold is-Sinjura Michelle Muscat, raddet ħajr lill-Partit Laburista għall-fatt li reġa’ ngħaqad ma’ bosta organizazzjonijiet u entitajiet oħra għal din l-inizjattiva.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista, tkellem dwar il-fatt li l-Partit Laburista jħoss id-dmir li jingħaqad f’kampanji ta’ dan it-tip.
“Dħalna għal din il-kampanja bi kburija biex inqajjmu kuxjenza, kemm għan-nisa u kemm għal irġiel. Ingħaqadna f’din il-kampanja wkoll għax irridu nibgħatu l-messaġġ li huwa importanti li ngħelbu l-biża’,” qal De Battista li fakkar fl-irwol soċjali li għandu jkollhom il-partiti politiċi.