Hekk kif il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, bit-tema, ‘Insaħħu Malta Tagħna’, waslet fir-raba’ jum tagħha, l-Amministrazzjoni u l-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista komplew b’diversi żjarat qalb il-komunitajiet, fosthom fuq il-monti ta’ Birkirkara u fil-Qasam Industrijali tax-Xewkij, Għawdex.
Tul dawn iż-żjarat, ir-rappreżentanti tal-Partit Laburista semgħu s-suġġerimenti u l-ilmenti ta’ dawk preżenti biex verament pajjiżna jkompli jissaħħaħ.
Fuq il-monti ta’ Birkirkara kienu preżenti l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph Debattista, il-Viċi President Louis Gatt u d-Deputati Naomi Cachia, Ray Abela u Katia DeGiovanni, filwaqt li f’Għawdex, il-Partit Laburista kien irrappreżentat mid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, u d-Deputata Abigail Camilleri.
Il-qofol tal-Konferenza Ġenerali se jintlaħaq nhar il-Ħadd li ġej, 8 t’Ottubru, fejn tingħalaq f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt Valletta, bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela mill-għaxra u nofs ta’ filgħodu ’l quddiem.