L-amministrazzjoni tal-Partit Laburista ltaqgħet mat-tmexxija tal-Kamra tal-Kummerċ.
Dan bħala parti minn eżerċizzju ta’ konsultazzjoni wiesgħa li qed iwettaq il-Partit Laburista.
Waqt din il-laqgħa ġew diskussi bosta temi differenti li jaffettwaw direttament lill-pajjiżna fosthom is-sitwazzjoni tal-Covid-19 u l-effetti kollha li ġabet magħha, l-ekonomija ta’ pajjiżna u kif ukoll l-edukazzjoni.
ONE News ħa r-reazzjoni tad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Daniel Micallef hekk kif sostna l-importanza ta’ dawn il-laqgħat bil-għan li jgħinu fil-formazzjoni politika tal-Partit Laburista.
Is-Sur Micallef qal: “Hawnhekk fil-laqgħa li kellna llum maċ-Chamber of Commerce kienet laqgħa tajba ħafna fejn fil-verita kellna ħafna prijoritajiet li huma konverġenti. Prijoritajiet li jħarsu lejn is-sitwazzjoni ekonomika u l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija imma iktar mill-isfidi biss qed inħarsu lejn l-opportunitajiet.”
Min-naħa tagħha permezz tal-Kap Eżekuttiv, l-Inġinier Edward Chetcuti, il-Kamra tal-Kummerċ faħħret il-proċess ta’ konsultazzjoni li qed jagħmel il-Partit Laburista permezz tal-fori politiċi li ħoloq.
Is-Sur Chetcuti stqarr: “Il-Partit ukoll qed jagħmel inizjattiva ġdida fejn għandu 10 temi u b’sistema simili qed jiġbor l-ideat u l-viewpoints biex imbagħad fl-aħħar joħorġu suġġetti tematiċi liem jistgħu jintużaw biex flimkien inkomplu mal-imsieħba soċjali, ninfluwenzaw l-eżitu tal-pajjiż biex nimxu ‘l quddiem.”