Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona flimkien mal-President tal-Partit Daniel Micallef u s-Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali Lydia Abela żammew laqgħa mal-Gozo Business Chamber.
Chris Cardona tkellem fuq l-avvanżi ekonomiċi li saru f’dawn l-aħħar 4 snin, avvanżi ekonomiċi li waslu għal aktar tkabbir ekonomiku li fisser il-ħolqien ta’ aktar impjiegi anke f’Għawdex. Id-Deputat Mexxej Laburista saħaq li Għawdex hija ekonomija distinta minn dik ta’ Malta u għaldaqstant għandha anke bżonnijiet differenti.
Dr Cardona aċċenna għall-investiment fil-qasam tas-saħħa li se jwassal mhux biss għall-sptar ġdid u aktar adegwat għal Għawdex iżda li se jfisser settur ġdid ta’ turiżmu mediku.
Il-Ministru tal-Ekonomija semma wkoll sfidi li għandu Għawdex fosthom l-insolarità doppja u l-konnetività mhux biss bejn iż-żewġ gżejjer iżda anke l-konnetività diġitali, li eventwalment jagħti lok għal aktar investiment, punti li fuqhom dan il-Gvern qiegħed jaħdem.
Fl-aħħarnett Chris Cardona stqarr li l-Partit Laburista se jkun qed jiltaqa’ mal-istakeholders kollha fil-ġimgħat li ġejjin biex jisma’ aktar mingħandhom.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Gozo Business Chamber, Joseph G. Grech, filwaqt li rringrazzja lill-membri tal-Amminisrazzjoni tal-Parit Laburista ta’ din il-laqgħa, tkellem fuq sfidi li għandu quddiemu Għawdex fosthom il-kwistjoni tal-aċċessibilità.