Il-Partit Laburista jifhem lill-kaċċaturi u lin-nassaba u ser ikompli jkollu pożizzjoni ċara u onesta dwar il-kaċċa u l-insib. Saħqet dan il-President tal-Partit Laburista Dr Ramona Attard f’laqgħa bejn il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti u l-Partit Laburista. Dr Attard saħqet li dan hu rifless fil-ħidma li saret sa issa, u kif ukoll fil-proposti tal-Partit Laburista għal dan is-settur.
Waqt din il-laqgħa fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista saret diskussjoni fuq numru ta’ inizjattivi li se jkunu jistgħu jiġu implimentati jekk il-Partit Laburista jingħata l-fiduċja fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Intqal kif dawn l-inizjattivi huma msejsa fuq ir-rispett lejn il-prattika ta’ eluf ta’ dilettanti tal-kaċċa u l-insib, b’rispett sħiħ lejn l-ambjent naturali u l-ħarsien tal-liġijiet Maltin u Ewropej.
Il-President tal-Partit Laburista qalet li filwaqt li ħaddieħor żied xi proposti dwar il-kaċċa u l-insib f’attentat ta’ damage control u f’verżjonijiet varji tal-manifest elettorali, il-proposti tal-Partit Laburista tfasslu wara li saru d-diskussjonijiet meħtieġa.
“Dawn id-diskussjonijiet ilhom għaddejin u baqgħu jsiru għax il-Partit Laburista jirrispetta lill-kaċċaturi u n-nassaba Maltin u Għawdxin”, temmet tgħid Dr Ramona Attard.
F’din il-laqgħa, jakkumpanjaw lill-President tal-Partit Laburista kien hemm il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, li hu responsabbli mill-Kaċċa u l-Insib u kif ukoll il-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Dr Alicia Bugeja Said.