Il-Partit Laburista laqa’ b’sodisfazzjon id-dħul fis-seħħ tal-istrateġija nazzjonali kontra l-faqar u favur it-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali, b’viżjoni għall-10 snin li ġejjin biex ikompli jiġi ndirizzat il-qasam soċjali.
Il-ħames prinċipji tal-istrateġija jinkwadraw fil-politika li dejjem ħaddan il-Partit Laburista, fosthom dik ta’ titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. L-istrateġija tikkonsisti f’165 rakkomandazzjoni li huma ntiżi biex Malta tibqa’ fost il-pajjiżi bl-inqas rata ta’ nies f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea.
Intqal li f’aktar minn 10 snin, il-persentaġġ ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqas minn 24.6% fl-2013 għal 19.8% fl-2023. Fejn tidħol iċ-ċaħda materjali severa din naqset b’aktar min-nofs f’temp ta’ 10 snin (minn 10% fl-2013 għal 4% fl-2023), u llum baqa’ terz milli kellna 10 snin ilu.
Intqal li ċ-ċaħda materjali naqset minn 20% fl-2013 għal ftit iktar minn 8% fl-2023, waqt li llum baqa’ terz ta’ dawk li 10 snin ilu kienu jiddependu mill-assistenzi soċjali.
Dawn ir-riżultati qed jinkisbu frott il-miżuri li qed iwettaq Gvern Laburista f’dawn l-aħħar 12-il sena biex jindirizza l-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Fost dawn il-miżuri hemm iż-żieda fil-paga minima bi €60 fil-ġimgħa; COLA ta’ kważi €49 fil-ġimgħa; l-għoti tal-COLA addizzjonali minn €100 sa €1,500 fis-sena; iż-żieda fiċ-Children’s Allowance sa kważi €700 fis-sena għal kull wild; iż-żieda ta’ €70 fil-ġimgħa lill-pensjonanti kollha wara 10 żiediet konsekuttivi barra l-COLA; kif ukoll €850 miljun f’sussidju fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma f’4 snin.
Il-Partit Laburista dejjem kien, għadu u jibqa’ l-uniku tarka tal-ħaddiema u l-familji bil-ħolqien tal-ġid ekonomiku u l-impjiegi ta’ kwalità. Filwaqt li għad fadal xi jsir, b’din l-istrateġija u x-xogħol mill-Gvern, qed tkompli tkun ikkonfermata r-ruħ soċjali tal-Partit Laburista u l-ġustizzja soċjali li qed iwettaq Gvern Laburista mal-ħaddiema u l-familji għax dejjem iħoss il-polz tan-nies u jifhem il-ħtiġijiet tagħhom tant li fl-aħħar snin kien ta’ spalla kbira għal kulħadd.
AQRA AKTAR: