Skond l-aħħar stqarrija għall-istampa, il-Partit Laburista jilqa’ t-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-ewtanasja volontarja assistita. Din il-konsultazzjoni pubblika hija ntiża li tqajjem diskussjoni dwar dan is-suġġett skont kif kien propost fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista.
Il-proposti tal-Gvern qed isiru biex iservu ta’ bażi għad-diskussjoni li jinkludu kriterji ta’ eliġibilità, proċeduri regolati, għadd ta’ salvagwardji, proċess mediku rigoruż, u b’rispett lejn id-drittijiet u l-għażliet tal-persuna.
Il-Partit Laburista jikkundanna l-kummenti li saru minn min infexx juża kliem dispreġġjattiv u immorali meta uża dan is-suġġett biex iweġġa’ lil sezzjoni ta’ nies b’xi ħaġa serja u delikata bħal din.
Filwaqt li l-Partit Laburista se jkun qed ikompli jgħarbel il-proposti u jieħu sehem fil-konsultazzjoni pubblika, jappella biex id-diskussjoni ma tiġix politiċizzata u tirrispetta s-serjetà tas-suġġett u d-dinjità tal-pazjenti b’mard terminali.