Fi stqarrija, il-Partit Laburista jilqa’ b’sodisfazzjon l-akbar ftehim kollettiv fl-istorja ta’ pajjiżna li ġie ffirmat illum bejn il-Gvern u 10 unions. Skont il-Partit Laburista, din hija prova ċara ta’ kemm Gvern Laburista jibqa’ dejjem fuq in-naħa tal-ħaddiema bil-fatti, u mhux bil-kliem.
Il-ftehim kollettiv ġdid tal-lum ifisser l-akbar investiment fil-ħaddiema tas-servizz pubbliku – total ta’ €1,270 miljun għal 33,000 ħaddiem fuq medda ta’ 6 snin. Huwa ftehim li jtejjeb il-karrieri fis-settur pubbliku u għalhekk jissarraf f’servizzi iktar effiċjenti għall-poplu kollu.
B’din id-deċiżjoni, il-Gvern se jkun qed jagħti żieda fuq żieda, għax il-ftehim issiġġilat illum jingħaqad ma’ żidiet oħra ta’ ftehimiet settorjali, fosthom l-għalliema, l-infermiera, il-pulizija u tant ħaddiema oħra tas-settur pubbliku.
Minkejja dan, l-istqarrija tkompli tgħid li wieħed irid ukoll iqis il-flus li se jibqgħu fi bwiet in-nies bit-tnaqqis fit-taxxa mħabbra fil-Budget 2025.
L-istqarrija temmet tgħid li dan huwa Gvern li jwettaq il-bidla għall-aħjar fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Min-naħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni jrid iżid biss il-paga tiegħu.