Hija verament ħasra li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għażel li ma jattendix mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż għat-tifkira uffiċjali tal-festa nazzjonali ta’ Jum il-Ħelsien.
Hekk iddikjara fi stqarrija l-Partit Laburista, li fisser kif dan il-bojkott mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista mhux biss huwa kundannabbli iżda jipprova jkisser dak li nbena tul ħafna snin fejn Prim Ministri u Kapijiet tal-Oppożizzjoni miż-żewġ partiti politiċi, flimkien mal-President tar-Repubblika, taw ġieħ lill-festi nazzjonali, fosthom l-Indipendenza u l-Ħelsien.
Bernard Grech ma jafx x’responsabbilitajiet iġġorr magħha l-kariga kostituzzjonali li jokkupa u għalhekk qed jieħu lill-Partit Nazzjonalista lura fejn wieħed qatt ma kien jimmaġina, tenna jgħid il-Partit Laburista.
L-istqarrija żiedet tgħid li dan il-bojkott isegwi d-dikjarazzjoni tas-Segretajru Ġenerali tal-PN Charles Bonello li xebbaħ il-festival nazzjonali Mużika Mużika mal-avvenimenti fil-Korea ta’ Fuq sempliċiment għaliex żewġ artisti ngħaqdu flimkien biex kantaw is-silta klassika Tema 79 li tfakkar il-ġrajja storika ta’ pajjiżna.
Saħansitra l-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista llum ċċensuraw il-kelma ‘Ħelsien’ meta rreferiew għal dan il-jum nazzjonali bħala l-festa “tal-31 ta’ Marzu”. Daqs li kieku din il-kisba importanti fl-istorja ta’ pajjiżna ma tistax tissemma b’isimha. Dan l-aġir huwa sintomatiku ta’ Kap Nazzjonalista li ma jidejjaq xejn jiddikjara li jistħi li huwa Malti. Għax tassew min jistħi li huwa Malti jaġixxi b’dan il-mod f’okkażjonijiet nazzjonali, temm il-Partit Laburista.
Aqra wkoll: