Fiż-żjara li għamel fil-Mellieħa u s-Siġġiewi, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, saħaq li f’kull lokalità l-Partit qiegħed iressaq tim b’saħħtu ta’ kandidati għall-elezzjonijiet ta’ nhar is-Sibt li ġej, li jħarsu l-interess tar-residenti u ser ikomplu jibnu fuq is-suċċessi miksuba fl-aħħar ħames snin.
Fiż-żewġ lokalitajiet li żar, id-Deputat Mexxej kien akkumpanjat mill-kandidati tal-lokal fejn iltaqgħu ma’ numru ta’ residenti biex jisimgħu l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-lokalità li jgħixu fiha u jaqsmu magħhom il-proposti tal-Partit Laburista.
Fil-Mellieħa, Kunsill Lokali ieħor immexxi mill-Partit Laburista ser joħloq spazji miftuħa ġodda, ifassal pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku fiż-żona ta’ dħul u ħruġ mill-Mellieħa, isaħħaħ il-preżenza tal-Community Policing u jagħti attenzjoni akbar għall-bżonnijiet tar-residenti fil-Manikata, Selmun u l-Għadira.
Bl-istess mod, fis-Siġġiewi l-Partit Laburista qiegħed jipproponi r-riġenerazzjoni tal-pjazza bil-possibblità li ssir żona pedonali, il-ftuħ ta’ Park tal-Familja ġdid, investiment fis-Siġġiewi Sports Complex, iż-żamma ta’ Għar Lapsi u t-twaħħil ta’ aktar CCTV cameras għaż-żamma tas-sigurtà.
Għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-Partit Laburista qiegħed iressaq 381 kandidat u manifest għal kull lokalità. Fost is-700 proposta li qiegħed iressaq il-Partit Laburista, il-kunsilliera eletti ser jaħdmu biex (i) joħolqu spazji miftuħa ġodda, (ii) ifasslu programm ta’ manutenzjoni u tindif, (iii) isaħħu s-servizz tat-trasport pubbliku, (iv) ikomplu bl-immodernizzar u l-ftuħ ta’ kliniċi ġodda, (v) jestendu s-servizz tal-community policing, (vi) jagħmlu mill-lokalitajiet tagħna dementia friendly localities u (vii) jagħtu sostenn akbar lill-għaqdiet lokali.
Id-Deputat Mexxej Daniel Micallef ħeġġeġ lil dawk li għandhom ma ġarbux il-vot biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom u ma jħallux lil ħaddiehor jiddeċiedi għalihom. Fakkar lil dawk li għandhom ma ġabrux il-vot li għandhom sa nhar il-Ħamis li ġej biex jiġbru d-dokument mill-Uffiċċju Elettorali fin-Naxxar jew l-Uffiċċju tal-Karti tal-Identità fir-Rabat, Għawdex, f’każ li l-persuna tkun irreġistrata f’Għawdex.
Micallef tenna biex nhar is-Sibt 8 ta’ Ġunju, l-elettorat joħroġ jivvota minn kmieni filgħodu u jagħti vot ta’ fiduċja b’saħħtu lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista, kemm fuq livell lokali u dak Ewropew.